Wara li jumejn ilu l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikkjara li għandu fiduċja fiċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, illum il-Prim Ministru indika li għandu fiduċja f’dak li qed jgħid Brian Tonna, meta insista li d-dokumenti li ppreżenta Tonna juru “li qed jgħid il-fatti”. Muscat qal dan meta kien qed jiġi mistoqsi minn NET News dwar l-artikli ppubblikati lbieraħ mill-website Lovin Malta, li jgħidu li hemm dokumenti li juru li Brian Tonna ma qalx il-verità meta qal li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tiegħu.
Din il-ġimgħa kienet iddominata minn sensiela ta’ stejjer kbar li ġew żvelati, fosthom li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru, u li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, irċieva €100,000 f’tixħim mingħand Brian Tonna permezz tal-kumpanija sigrieta ‘Willerby Trade’ fil-British Virgin Islands.
Wara li kien żvelat li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru, fuq Xarabank, Muscat preżenta dokument li skont hu kien juri li ‘Egrant’ hija ta’ Brian Tonna. Imma aktar tard irriżulta skont artikli ta’ Lovin Malta li hemm dokumenti oħra li jikkontradixxu dak li qal Tonna, jiġifieri li ‘Egrant’ hija tiegħu. Mistoqsi jekk hux se jitlob skuża li fuq Xarabank preżenta dokument fabrikat, il-Prim Ministru ma weġibx. Żied li Tonna ħareġ id-dokumenti li juru li qed jgħid il-fatti.
“Jiena ma nafx x’inhuma eżattament l-allegazzjonijiet”
Fuq il-każ tat-tixħim li rċieva Keith Schembri, kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista li żvela l-mod kif Brian Tonna xaħħam lil Keith Schembri somma flus li tammonta għal €100,000 li ġew minn passaporti li Tonna biegħ lir-Russi. Mistoqsi minn The Malta Independent jekk hux se jissospendi l-bejgħ tal-passaporti sakemm ikun investigat dan il-każ, Muscat qal “Jiena ma nafx x’inhuma eżattament l-allegazzjonijiet”. Dan wara li jumejn ilu ddikkjara li għandu fiduċja f’Keith Schembri, u li jemmen il-verżjoni tiegħu.
//= $special ?>