Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kompla biż-żjarat f’kumpaniji Maltin – dan hekk kif wara laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija Consolidated Biscuit, żgħar ukoll il-post tax-xogħol fejn ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema.
Iż-żjara ta’ Simon Busuttil f’din il-fabbrika, li timpjega madwar 175 ħaddiem u ħaddiema, bdiet b’laqgħa mad-Direttur Maniġerjali Joseph Pace flimkien mal-bord maniġerjali. Matul din il-laqgħa Joe Pace semma’ kif qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hua beżgħu li s-suq liberu kien se jkisser il-kumpanija tagħhom – iżda qal li huma rnexxielhom jegħlbu din l-isfida kbira u minflok kabbru l-produzzjoni tagħhom fl-Ewropa. Semma’ kif matul il-kampanja għad-dħul fl-Unjoni Ewropea, hu kellu bosta laqgħat ma’ Simon Busuttil fl-2003 fejn dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien, illum sarraf f’verita.
Simon Busuttil qal li hu ta’ pjaċir li jara li l-Unjoni Ewropea ħalliet il-frott tagħha, u kabbret l-operat ta’ din il-kumpanija. Waqt l-istess laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista preżenta d-dokument bi proposti favur il-kumpaniji – fejn semma’ partikolarment il-wegħda li kull kumpanija tiġi intaxxata 10% biss fuq l-ewwel 50,000 ewro dħul, minflok rata ta’ 35% – b’hekk jiffrankaw 12,500 ewro.
Wara, Simon Busuttil żar l-fabbrika u l-prodotti varji li din l-kumpanija tipproduċi, fosthom linji popolari lokali bħal Tal-Furnar, Sunshine Snacks, u Devon. Din l-istess kumpanija, nofs il-produzzjoni tagħha jiġi esportat barra minn pajjiżna wkoll. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista dar id-diversi setturi tal-fabbrika flimkien mad-deputat Robert Arrigo u l-kandidati Noel Muscat u Marygrace Vella.
Matul iż-żjara Simon Busuttil iltaqa’ mal-ħaddiema fejn dawn iddeskrivelu x’jinvolvu r-responsabilitajiet tagħhom u spjegaw il-linja tax-xogħol tagħhom.
//= $special ?>