Lokali

FTEHIM PAGA MINIMA: “Pass tajjeb li jeħtieġ aktar” – Simon Busuttil iwiegħed li jirrispetta l-ftehim

Il-Kap tal-PN iwiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jirrispetta l-ftehim u jibni fuqu

“Il-ftehim dwar il-paga minima huwa pass tajjeb li jeħtieġ aktar”. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista meta kien qed jindirizza ċ-ċeremonja li matulha ġie ffirmat ftehim maqbul bejn l-imsieħba soċjali kollha dwar il-paga minima.

Il-ftehim maqbul bejn l-imsieħba soċjali għandu jwassal biex il-paga minima tiżdied bi €8 fil-ġimgħa sal-2019. Dan il-ftehim sab it-tifħir tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li madanakollu enfasizza li dan huwa biss l-ewwel pass biex il-pagi tal-ħaddiema jkunu diċenti.

“Il-ftehim dwar il-paga minima huwa pass tajjeb ‘il quddiem iżda huwa biss l-ewwel pass li rridu nkomplu nibnu fuqu biex il-ħaddiema f’pajjiżna, speċjalment dawk li jaqbdu l-aktar pag baxxi, jibdew jaqilgħu paga aktar diċenti li sservihom biex jgħixu ħajja diċenti” qal Simon Busuttil fil-preżenza tal-imsieħba soċjali kollha.

“Qed nintrabat ukoll li Gvern immexxi minni jirrispetta dan il-ftehim u jara li jiġi implimentat” żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li faħħar l-impenn tal-imsieħba soċjali li jingħaqdu flimkien biex isir xi ħaġa dwar l-għoli tal-ħajja.

“Jiena diġa għidt pubblikament li jekk intom tilħqu ftehim bejnietkom, jien lest nappoġġjah u huwa għalhekk li llum jien ukoll qed niffirma l-ftehim li wasaltu għalih intom waħedkom” qal Simon Busuttil. “Qed turu li fuq xi ħaġa bħal din, m’għandkomx bżonn lil ħaddieħor jiddeċiedi għalikom, imma tistgħu taslu għal qbil bejnietkom,” żied jgħid.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jenfasizza fuq il-bżonn li f’pajjiżna ma jinħoloqx il-ġid biss, iżda jkun hemm impenn biex dan il-ġid jitgawda minn kulħadd, inkluż il-ħaddiema b’pagi baxxi. “Ekonomija tan-nies li minnha jgawdi kulħadd issarraf f’soċjetà ġusta” temm jgħid Simon Busuttil.

Il-ftehim kien iffirmat fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta mill-imsieħba soċjali, mill-Prim Ministru u minn Simon Busuttil bħala Kap tal-Oppożizzjoni.