Futbol Sport

Gowl lejn it-tmiem iċaħħad lil Juventus

Il-gowl ta' Andrea Conti li fetaħ l-iskor (Ritratt: EPA)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Freuler, ċaħħad lil Juventus milli jiksbu rebħa importanti li twassalhom eqreb għar-rebħ tal-kampjonat. Minkejja d-draw, Juventus fil-preżent jinsabu disa’ punti fuq Roma b’logħba aktar. Għal Atalanta dan kien punt importanti fit-taqtigħa tagħhom għal post fl-ewropa u bħalissa jinsab punti ndaqs ma’ Lazio.

Atalanta fetħu l-iskor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kien kross mill-kaxxa ta’ Alejandro Gomez li sab lil ANDREA CONTI li mill-kaxxa ż-żgħira għeleb lil Buffon b’xutt mill-ewwel. Juventus ġabu d-draw fid-49 minuta meta minn free-kick ta’ Miralem Pjanic, kien Luca Spinazzola li b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess.

Il-Bianconeri dehru li skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-83 minuta meta minn kross fit-tul mix-xellug, kien DANI ALVES li żmarka ruħu minn ma’ Spinazzola, u b’daqqa ta’ ras mill-ewwel għeleb lil Berisha. Iżda Atalanta ġabu d-draw fit-88 minuta meta REMO FREULER ħa vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża, u f’darbtejn għeleb lil Buffon mil-viċin.