Il-Papa Franġisku wasal l-Eġittu għal żjara intiża biex ittejjeb id-djalogu bejn il-Kristjani u l-Musulmani fi żmien partikularment delikat għar-reġjun.
Iż-żjara, li fiha l-Papa jkun qed iwassal ‘messaġġ ta’ paċi’, hi anki sinjifikanti meta ftit ġimgħat ilu, fl-Eġittu, inqatlu 45 persuna fi splużjonijiet ta’ bombi rispettivi f’żewġ knejjes tal-Kristjani Kopti. L-attakki inkwistjoni seħħew f’Ħadd il-Palm u t-terroristi tal-ISIS, li assumew ir-responsabbiltà għad-dmija, illum qegħdin jirreferu għall-Kristjani bħala ‘mira favorita’.
Meta wasal il-Kajr, il-Papa qal li ż-żjara tibbaża fuq ‘l-għaqda u l-fratellanza’, meta hu, mill-ġdid qed jirrifjuta l-użu ta’ karozza armata bħala mezz tat-trasport.
Iż-żjara ta’ jumejn mill-Papa fl-Eġittu hi l-ewwel minn Kap tal-Kattoliċi fil-Kajr għal dawn l-aħħar 20 sena. Dan meta l-Kristjani Kopti, li jikkostitwixxu għaxra fil-mija tal-popolazzjoni Eġizzjana (fil-parti l-kbira Musulmana), qegħdin jiffaċċjaw theddid akbar. Il-maġġoranza tal-Kopti huma Ortodossi, meta anqas minn 150,000 huma Kattoliċi.
Il-programm tal-Papa f’dan il-pajjiż jinkludi laqgħat mal-President Eġizzjan, Abdel Fattah al-Sisi, u diskors fl-Università ta’ al-Azhar, magħrufa bħala ċentru ewlieni għat-tagħlim Sunni Iżlamiku. Dan id-diskors għandu jittratta d-djalogu bħala parti mill-isforzi lejn it-titjib tar-relazzjonijiet bejn ir-reliġjonijiet.
L-awtoritajiet fl-Eġittu, bħalissa, qegħdin jinfurzaw stat ta’ emerġenza wara l-attakki terroristiċi ta’ Ħadd il-Palm, fost is-sigurtà addizzjonali madwar il-knejjes fil-pajjiż.
//= $special ?>