Lokali

FILMAT: Ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku għall-Elezzjoni Ġenerali

Fid-dawl tas-sitwazzjoni politika preżenti fil-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku laħqu ftehim biex flimkien jiffurmaw Forza Nazzjonali u jippreżentaw lista komuni ta’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan qed isir fl-interess nazzjonali biex isseħħ bidla radikali għall-aħjar mod kif jiġi ggvernat il-pajjiż. Iż-żewġ naħat huma fiduċjużi li, bil-ħidma tagħhom minn issa sal-elezzjoni, din il-Forza Nazzjonali tista’ tikseb l-appoġġ tal-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba li jħossu l-bżonn li pajjiżna jkollu Gvern ġdid li jagħti lill-Maltin u l-Għawdxi kollha governanza tajba, ġustizzja soċjali, ekonomija sostenibbli u ħolqien tax-xogħol, ħarsien xieraq tal-ambjent u tiġdid kostituzzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku se jaħdmu flimkien biex jippreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi programm elettorali li l-Gvern il-ġdid ikun marbut li jwettaq.

Bil-ftehim milħuq, għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, persuni mill-Partit Demokratiku se jikkontestaw fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista u jkunu identifikabbli b’deskrizzjoni wara isimhom.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku għandhom fiduċja li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu Malti u Għawdxi se jtella’ Gvern ġdid li jnaddaf is-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem.