#muscatgate Lokali

MUSCATGATE: “Illejla kompliet taqa’ l-maskra ta’ Joseph Muscat”

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil jindirizza konferenza tal-aħbarijiet
Simon Busuttil qal li aktar ma jgħaddi żmien, aktar l-fatti qegħdin juru li l-mara tal-Prim Ministru hi verament sid il-kumpanija sigrieta Egrant

“Issa li hemm ukoll whistleblower li tat, b’kuraġġ kbir, ix-xhieda tagħha quddiem l-inkjesta li qed tinvestiga kriminalment lill-Prim Ministru, żgur li Joseph Muscat għandu jitlaq issa għax postu m’għadux fil-politika”, stqarr dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wara li sar magħruf li xhedet il-whistleblower fl-inkjesta Maġisterjali li qed tinvestiga l-involviment tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Simon Busuttil qal li dan l-aħħar żvilupp f’ġimgħa sħiħa ta’ fatti ġodda kuljum ikompli jżid il-kredibilità tal-informazzjoni li l-kumpanija Egrant hija tal-mara tal-Prim Ministru u jkompli jkisser ukoll l-aħħar farka kredibilità li seta’ kien baqagħlu Joseph Muscat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llejla kompliet taqa’ l-maskra ta’ Joseph Muscat li l-uniku ċans li baqagħlu biex isalva ġildu hija li jkompli jigdeb.

Temm jgħid li post Muscat m’għadux fil-politika, u għandu jitlaq issa biex jieqaf jagħmel ħsara lil pajjiżna.