L-uniku għażla li għandu l-Prim Ministru Joseph Muscat biex isalva ġildu hi li jkompli jigdeb. Bil-verità, Muscat ikollu jitlaq b’mod immedjat, iżda Muscat, jipreferi jigdeb biex isalva ġildu milli l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi u mill-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Roselyn Borg Knight.
Beppe Fenech Adami qal li l-iżvilupp tal-bieraħ filgħaxija hu wieħed importanti għaliex issa, l-Maġistrat għandu verżjoni quddiemu ġejja mingħand whistleblower, f’inkjesta kriminali dwar Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dan fid-dawl ta’ rapporti u provi dwar korruzzjoni, u trasferimenti ta’ flus f’kontijiet ta’ Keith Schembri, kif ukoll f’kontijiet ta’ Egrant.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li fil-ġranet li għaddew, kien hemm ukoll il-pubblikazzjoni tad-Declarations of Trust li fiha ġie indikat iswed fuq l-abjar isem il-mara tal-Prim Ministru bħala l-persuna li għan-nom tagħha, qed jinżammu x-shares tal-kumpanija Egrant. Dan minbarra l-provi li żvela l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li fl-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza hemm korruzzjoni u ħasil ta’ flus, fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru akkwista, mill-bejgħ ta’ 3 passaporti biss, l-ammont ta’ €100,000. U dan permezz ta’ kumpanija moħbija fil-British Virgin Islands u kont fil-Pilatus Bank.
Beppe Fenech Adami temm jgħid li l-poplu Malti u Għawdxi qed jifhem li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hi gravi ħafna, u fakkar fl-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li min għandu informazzjoni dwar il-korruzzjoni tal-Gvern, jikxef il-verità, għaliex se jsib lill-Partit Nazzjonalista jiproteġu lil min jikxef l-iskandli.
Jason Azzopardi attakka l-fatt li l-aġir tal-Prim Ministru wara li l-whistleblower marret tagħti l-verżjoni tagħha quddiem il-Maġistrat, hu wieħed kundannabbli. Dan peress li, permezz tal-kelliem tiegħu, beda jiprova jattakka l-kredibilità tal-whistleblower b’attakki wieħed wara l-ieħor. Hu qal li quddiem dan kollu, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed joffri protezzjoni lil kull min għandu informazzjoni u lest li joħroġha biex toħroġ il-verità.
Roselyn Borg Knight qalet li l-aġir ta’ Muscat minn meta ġew żvelati d-dettalji dwar il-kumpanija Egrant huwa l-akbar prova, u dan peress li nqabad jigdeb kemm-il darba. Fost l-oħrajn, hu gideb mill-anqas ħames darbiet f’24 siegħa dwar il-kumpanija Egrant.
//= $special ?>