Aġġornata
Id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia rriżenja minn Whip tal-Gvern f’ittra li bagħat lill-Prim Ministru, u li kopja tagħha poġġieha fuq Facebook, f’ittra li fiha kkundanna lill-Prim Ministru għal mod kif il-Gvern tilef il-fibra morali.
Godfrey Farrugia qal li “b’rispett għal dak li hu sew” kien qed jirriżenja minn Whip tal-Gvern, iżda mhux minn Membru Parlamentari fuq il-bankijiet tal-Gvern “bit-tama li nġib it-tmexxija f’sensiha u tieqaf tuża l-poplu għall-protezzjoni tal-poter tagħha”. Hu rriżenja fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat fl-aħħar jiem dwar l-iskandlu tal-Panama. Filfatt fl-ittra tiegħu, Farrugia qal li l-allegazzjonijiet li saru dan l-aħħar, weġġgħuh.
Godfrey Farrugia qal li fl-2012 għażel li jissieħeb f’moviment politiku ġdid li wiegħed li jnissel tama friska għall-pajjiż, iżda kollox inbidel meta l-Gvern beda jiġġustifika l-iżbalji fejn “il-ħażin beda jissejjaħ tajjeb”. “Hemmek bdiet storja oħra” qal Farrugia, li spjega li l-“bsaten fir-roti minn xi diriġenti u partitarji Laburisti ma naqsux”.
Filwaqt li fisser kif f’kull kariga li kellu dejjem qeda d-doveri tiegħu bl-aħjar mod u bl-aħjar interess għall-pajjiż, qal li jinnota li xi drabi, id-direzzjoni li kien jingħata, ma kinitx illegali, iżda xorta kienet iddur madwar il-liġi.
Godfrey Farrugia qal li jħoss li s-sisien ewlenin tal-manifest elettorali li jiggarantixxu tmexxija b’kontabbiltà u trasparenza ġew mheżża bil-kbir.
“L-għemil ħażin ma ġiex rimedjat f’waqtu, ħalla riperkussjonijiet li tefgħuna wiċċna mal-ħajt. Tlifna l-fibra morali. Ma rnexxilniex ngħaqqdu l-poplu. In-nies spiċċat konfuża tfittex fl-għama, għatxana għall-verità. Wasalna f’punt li qed nagħtu isem ħażin lil Malta tagħna, anke barra minn xtutna u saħansitra waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea”, kiteb Farrugia fl-ittra qawwija li bagħat lill-Prim Ministru.
Il-Partit Laburista jaċċetta r-riżenja ta’ Farrugia
Fi stqarrija ta’ erba’ linji, il-Partit Laburista qal biss li l-Prim Ministru rċieva l-ittra ta’ riżenja ta’ Godfrey ta’ Farrugia u li se jkun qed jinħatar Anthony Agius Decelis bħala aġent-Whip tal-Gvern. Il-Partit Laburista qal li jirringrazzja lil Godfrey Farrugia tal-ħidma tiegħu.
Il-Gvern qed jikkollassa – Simon Busuttil
F’reazzjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-riżenja ta’ Godfrey Farrugia tikkonferma l-mod kif qed jinħatt il-Gvern. Żied li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex Malta tkun salvata.
The house of cards is collapsing. It is time for everyone to do their part to save #Malta from this mess. #ForzaNazzjonali https://t.co/R1oBncZwbW
— Simon Busuttil (@SimonBusuttil) April 29, 2017