Ir-riżenja tal-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia hi waħda sinifikattiva għaliex, kif qal fl-ittra ta’ riżenja lill-Prim Ministru, “il-fiduċja ta’ poplu lejn ideal Laburista storiku ma kellha qatt tiġi ttraduta u wżata biex tiġi mbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar li m’għandhomx l-interess nazzjonali f’qalbhom u wisq anqas f’moħħhom”.
Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister tal-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata wkoll mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Attard Previ.
Mario de Marco qal li erba’ snin ilu, f’pajjiżna kien hawn moviment li wiegħed stil ġdid ta’ politika. Dan il-moviment kien jinkludi anke nies ta’ rieda tajba li tassew xtaqu li pajjiżna jkompli jimmatura politikament u jimxi ‘l quddiem. “Il-ħolma u l-aspirazzjoni ta’ dawn in-nies ta’ rieda tajba ma seħħitx għaliex it-tmexxija ta’ dak il-moviment – issa sirna nafu – li kellu pjanijiet oħra,” qal Mario de Marco. Hu sostna li llum, pajjiżna għandu bżonn forza nazzjonali, fid-dawl tal-fatt li l-ġlieda tal-lum hija aktar importanti u aktar serja.
“Din mhix ġlieda bejn in-Nazzjonalisti u l-Laburisti, iżda bejn nies ta’ rieda tajba u nies li ħatfu l-pajjiż b’intenzjonijiet ħżiena, bejn is-sewwa u l-ħażin,” qal Mario De Marco. Hu appella lil kull min hu ta’ rieda tajba biex jingħaqad fil-forza nazzjonali biex isemma leħnu u biex jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi pajjiż li jixraqlu. Hu sellem lil Godfrey Farrugia għall-pass li għamel, li jifhem li ma kienx wieħed faċli.
David Agius qal li l-iżvilupp tal-lum hu wieħed sinifikanti, b’mod partikolari meta wieħed jaqra x’qal Godfrey Farrugia lill-Prim Ministru, speċjalment meta ddeskriva dak li ġara fil-Panama Papers bħala “għemil ħażin, li ma ġiex irrimedjat f’waqtu”. Fl-ittra tiegħu, Godfrey Farrugia qal li l-Partit Laburista tilef il-fibra morali għaliex ma rnexxielux jgħaqqad il-poplu. “Qed nagħtu isem ħażin lil Malta tagħna, anke barra minn xtutna u saħansitra waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea,” tgħid l-ittra ta’ Godfrey Farrugia.
Silta oħra li rrefera għaliha David Agius hi din: “Għext żminijiet mhux faċli wkoll, b’mod partikolari biex nirbaħ saħħti. Il-bsaten fir-roti minn xi diriġenti tal-Partit Laburista u partitarji ma naqsux. Għamlu minn kollox biex jaħbuni mill-lenti tal-media. Bħala persuna, sofrejt fil-kwiet ta’ qalbi u ħfirt, imma bħala Whip bqajt fidili lejn ħidmieti. Ħdimt b’responsabbiltà għal dak li hu sew. Il-logħba politika tal-illużjoni qatt m’għoġbitni, aħseb u ara l-intriċċi tal-logħba Makjavelljana, politika post-verità, ipokrita jew anti-verità.”
Minn naħa tagħha, Graziella Attard Previ qalet li l-uniku mod li terġa’ tidħol l-istabbilità f’pajjiżna hi li Muscat jitlaq issa. “Post Muscat m’għadux fil-politika għaliex tilef l-aktar ħaġa li hi importanti fil-politika: il-fiduċja”, qalet Graziella Attard Previ. Hi sostniet li aktar ma jgħaddu ġranet, aktar Muscat qed ikompli nieżel. Il-problema hi li miegħu, Muscat qed iniżżel lill-pajjiż, sostniet Graziella Attard Previ.
Hi fakkret li l-provi kollha dwar l-iskandlu tal-Panama Papers qegħdin fil-pubbliku:
• is-sena l-oħra ġie żvelat li neftħu tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama li tnejn minnhom kienu taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u tal-Ministru Konrad Mizzi;
• it-tielet kumpanija kellha l-identità tas-sid tagħha tant importanti li l-isem kellu jingħadda bi Skype;
• l-Prim Ministru ma ħax passi kontra ċ-Chief of Staff u l-Ministru tiegħu;
• l-awtoritajiet ma nvestigawx dawn l-affarijiet meta kellhom id-dmir li jinvestigaw;
• u li l-Pulizija ma nvestigatx minkejja r-rapport tal-FIAU li talbet lill-Pulizija biex jinvestigaw.
//= $special ?>