Lokali

FILMAT: Chris Cardona jinqabad waħdu li ma qarax l-ittra ta’ riżenja ta’ Godfrey Farrugia: “Riżenja minn xiex?”

Cardona ma jieħux gost meta nsemmulu in-nefqa ta' €700 f'alkoħol minn minibar

Id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona nqabad waħdu li ma qarax l-ittra ta’ riżenja tad-Deputat Godfrey Farrugia minn Whip tal-Grupp Parlamentari. Dalgħodu, Farrugia ppubblika fuq Facebook l-ittra ta’ riżenja li bagħat lill-Prim Ministru – ittra twila u qawwija dwar il-mod kif it-tmexxija ħażina tal-Gvern waslitu biex jirriżenja.

Imma waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, id-Deputat Mexxej Laburista nqabad li l-anqas biss qara l-ittra ta’ riżenja ta’ Godfrey Farrugia.

“Nifhem il-pożizzjoni tiegħu, u inti tifhem ukoll il-pożizzjoni personali tiegħu, u mhijiex etika li tistaqsi mistoqsija bħal din, għaliex taf li l-partner ta’ Godfrey Farrugia hija Marlene Farrugia” qalilna Chris Cardona qabel ma ġbidnielu l-attenzjoni li Marlene Farrugia ma tissemma mkien fl-ittra ta’ riżenja ta’ Godfrey Farrugia.

Meta NET News kwota l-ittra ta’ riżenja, ir-risposta ta’ Chris Cardona kinet: “Kif taf biha din?”. “Orrajt… ok” wieġeb Cardona meta għednielu li l-ittra ta’ riżenja kienet ippubblikata fuq Facebook.