#muscatgate Lokali

FILMAT: “Ħadd ma jista’ jwieġeb il-mistoqsija” dwar jekk Keith Schembri għandux jitressaq b’akkużi kriminali

Il-mistoqsija dwar jekk il-Kummissarju tal-Pulizija għandux jaġixxi fuq rapport tal-FIAU “ħadd ma jista’ jweġibha” skont id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ NET News waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

NET News kien qed jistaqsi fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat jumejn ilu mill-gazzetta Times of Malta, fejn intqal li l-FIAU kienet talbet lill-Pulizija biex jinvestigaw lil Keith Schembri; talba li kienet saret ġurnata qabel irriżenja l-eks Kummissarju Michael Cassar.

“Il-konklużjonijiet li joħorġu mill-FIAU ma jkunux mgħoddija lilna, u aħna, bħala politiċi m’għandniex aċċess għalihom. Din il-mistoqsija mhux ipotetika iżda mistoqsija li ħadd ma jista’ jwieġbek,” qal Chris Cardona fir-risposta tiegħu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Edward Zammit Lewis żied jinsisti li mhux talli ma jafx x’fih l-FIAU, iżda talli l-anqas irid ikun jaf “Jiena ma nafx x’fih l-FIAU, la naf, u l-anqas irrid inkun naf” insista Zammit Lewis.

L-FIAU hija l-aġenzija li tinvestiga rapporti ta’ ħasil tal-flus, evażjoni ta’ taxxa u kwistjonijiet kriminali simili. L-FIAU m’għandiex il-poter li tressaq lil xi ħadd il-Qorti, iżda tista’ biss tgħaddi l-konklużjonijiet lill-Pulizija biex jieħdu passi huma.

Jirriżulta, skont dak żvelat minn The Times, li f’April 2016, l-FIAU kienet għaddiet ir-rapport tagħha dwar Keith Schembri lill-Pulizija iżda dwaru baqa’ ma sar xejn.