Lokali

Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħti l-Isptar ta’ Għawdex lura lill-Għawdxin

L-isptar ġenerali ta' Għawdex - Mill-Arkivji

Il-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex bi pjaċir u b’sodisfazzjon kbir innota, l-istqarrija ċara u diretta li dan l-aħħar għamel il-Kap tal-Partit Simon Busuttil, waqt Djalogu li sar fis-Sub Headquarters f’Ta’ Sannat, fejn iddikjara li gvern immexxi minnu, se jerġa’ jagħti l-Isptar Ġenerali t’Għawdex lill-Għawdxin billi jieħdu lura mill-privat u jagħmlu Sptar Pubbliku kif kien minn dejjem u kif inhu xieraq.

Il-Kumitat sa]aqli l-‘ħtif’ ta’ dan l-Isptar, li huwa l-uniku sptar f’Għawdex, minn wieħed pubbliku u ngħata lill-privat bla ebda konsultazzjoni jew talba lill-Għawdxin, u mingħajr l-ebda ħjiel fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li fuqu ġie elett il-gvern ta’ Joseph Muscat, hija xi ħaġa kundannabbli u mistmerra ħafna mill-Għawdxin.

Huma insistew li hija tal-mistħija li sal-lum ħadd għadu ma jaf min hu s-sid proprju ta’ dan l-isptar, kif għadu mhux magħruf ukoll x’fih il-kuntratt tal-bejgħ, peress li fih hemm ‘il fuq minn 50 paġna li huma ‘blank’ vojta.

Il-kumitat spjega li dan l-aġir huwa inaċċettabli għall-Għawdxin u qed joħloq inċertezza kbira l-aktar fost l-Ispeċjalisti, it-Tobba u d-900 ħaddiem li jaħdmu f’dan l-isptar, il-familji tagħhom u l-pażjenti preżenti u futuri li jagħmlu użu minn dan l-uniku sptar li jeżisti f’Għawdex u li llum sar wieħed privat.

Waqt li apprezzaw l-isforzi tal-kelliema kollha Nazzjonalisti li qamu biex jiddefendu l-kawża tagħhom, l-Għawdxin rringrazzjaw lill-Kap Simon Busuttil u lill-Partit Nazzjonalista kollu u wiegħdu tpattija ġusta u xierqa meta jasal il-waqt.