Wara 13-il sena membri tal-Unjoni Ewropeja, 64% tal-Maltin iqisu li sħubija fl-Unjoni Ewropea hija ħaġa tajba. Din iċ-ċifra hi 7 % ogħla mill-fehma tal-medja taċ-ċittadini Ewropej, li hi 57%.
Dan skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej.
79% tal-Maltin iqisu li l-vuċi ta’ Malta tgħodd fl-Unjoni Ewropea; żieda ta’ tliet 3% meta mqabbla mas-sena l-oħra. Din iċ-ċifra hija ferm għola mill-fehma tal-medja taċ-ċittadini Ewropej.
Fl-istess ħin, 47% tal-Maltin iqisu li leħinhom jinstema’ fil-livell Ewropew, bil-maġġoranza jirrispondu li huma interessati fl-affarijiet Ewropej, li hi 62%.
Il-kwistjoni tal-migrazzjoni hija l-akbar tħassib għall-Maltin, bi 85% ta’ dawk intervistati jgħidu li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel aktar milli diġà qiegħda twettaq.
Il-Maltin jixtiequ li l-Unjoni twieġeb b’mod aktar magħqud fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu – 83% -, il-qgħad – 78% – u l-frodi fiskali – 75% – .
L-Ewropej jippreferu li l-Unjoni Ewropea tintervjeni aktar u b’mod magħqud fir-rigward tal-aħħar avvenimenti ġeopolitiċi, fosthom l-instabbiltà fid-dinja Għarbija, il-Brexit u l-ħatra tal-President Amerikan Donald Trump, b’73% tal-Ewropej jippreferu li l-Unjoni Ewropea jkollha pożizzjoni komuni.
Dwar Brexit, 75% tal-Maltin jemmnu li Malta tkun f’pożizzjoni aktar b’saħħitha jekk hija taġixxi b’mod konġunt ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Dan filwaqt li 75% tal-Maltin huma mħassba dwar Donald Trump, il-President Amerikan u jixtiequ li Malta tieħu azzjoni konġunta flimkien mal-Unjoni.
Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, irrimarka li s-sejbiet tal-istħarriġ tal-Parlament Ewropew dwar il-perċezzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-Unjoni Ewropea juru li ċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-Unjoni tirrispondi b’vuċi unika għat-tħassib kbir tagħhom dwar it-taqlib internazzjonali reċenti li wassal biex id-dinja tal-lum hija aktar inċerta u perikoluża.
//= $special ?>

