#muscatgate Lokali

Keith Schembri, Konrad Mizzi u Brian Tonna investigati mill-ġdid dwar evażjoni ta’ taxxa

Investigazzjoni dwar evażjoni ta’ taxxa li kienet tinvolvi lill-Ministru Konrad Mizzi, liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Brian Tonna ta’ Nexia BT se terġa’ tinfetaħ wara li ħareġ li huma kellhom ukoll kontijiet f’Pilatus Bank.

Dan kien żvelat f’artiklu fl-ewwel paġna tal-ġurnal Times of Malta li jgħid li sorsi tal-Gvern qalu li l-investigazzjonijiet mit-Tax Compliance Unit kienu tlestew ftit ġimgħat ilu u issa kienu qed ikunu analizzati internament biex possibbilment tittieħed azzjoni bħala follow-up. Madankollu dawn is-sorsi qalu li l-aħħar allegazzjonijiet jridu jittieħdu in-konsiderazzjoni.

Uffiċjal tat-Tax Compliance Unit qal li skont il-prattiċi normali meta jsir awditjar tat-taxxa, id-dipartiment normalment ifittex l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-persuni investigati mingħand il-banek tradizzjonali, il-Bank of Valletta u l-HSBC f’dan il-każ.

Is-sors tat-Times of Malta qal li t-Tax Compliance Unit ma kienx jaf li hemm kontijiet oħra f’Pilatus Bank. Imma issa li rriżulta li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna jista’ jkollhom kontijiet bankarji oħra li huma ma analizzawx, ħarġu struzzjonijiet biex isir tiftix ta’ kontijiet tagħhom fil-banek kollha f’Malta u jerġa jinfetaħ l-audit.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li kellu provi li Keith Schembri ircieva flus bħala kummissjoni mingħand Brian Tonna is-sid ta’ Nexia BT mill-bejgħ tal-passaporti.

It-trasazzjonijiet saru permezz ta’ accounts li huma t-tnejn kellhom fil-Pilatus Bank li normalment jinnegozja li individwi bi dħul qawwi.

Keith Schembri u Brian Tonna ammettew li saru dawk it-transazzjonijiet u li kellhom kontijiet f’Pilatus Bank u Keith Schembri qal li t-trasazzjonijiet ta’ mitt elf ewro kienu ħlas ta’ self li hu kien ta lil Brian Tonna.

Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni ma weġibx mistoqsijiet tat-Times biex jagħti dettalji dwar l-investigazzjonijiet tat-taxxa ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Brian Tonna u jekk l-awtoritajiet tat-taxxa kinus infurmati dwar il-kontijiet f’Pilatus Bank.

Kemm Konrad Mizzi u Keith Schembri ammettew li kisru l-liġi tat-taxxa għax ma ddikjarawx it-trusts tagħhom fi New Zealand u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama kif titlob il-liġi. Joseph Muscat qal li huma kellhom iħallsu multa ta’ dan in-nuqqas, imma l-Kummissarju tat-Taxxi Interni ma weġibx jekk huma ħallsux il-multa jew kemm ħallsu multa.