Futbol Sport

AĠĠORNATA: L-MFA tifhem l-appell ta’ Vince Carbonaro u tagħmel eċċezzjoni biex it-18-il plejer iniżżlu t-tfal magħhom

Vince Carbonaro - kowċ ta' Naxxar Lions

Wara l-appell li għamel il-kowċ ta’ Naxxar Lions Vince Carbonaro, kien hemm tweġiba pożittiva mill-MFA hekk kif b’deċiżjoni li ntlaqgħet b’mod pożittiv, it-timijiet promossi tal-ewwel diviżjoni jiġifieri Naxxar Lions, Senglea Athletic u Lija Athletic se jkollhom l-opportunità li t-18-il plejer fit-tim iniżżlu t-tfal magħhom qabel il-partita.

Id-Direttur tal-Komunikazzjoni Kevin Azzopardi qal li l-klabbs kienu nfurmati qabel b’din id-deċiżjoni għaliex ikun hemm ċertu kriterji bħal-loġistika kif ukoll is-sigurtà tat-tfal li jkunu flimkien li jridu jiġu osservati. Hu kompla jgħid li l-MFA fehmet li din hi okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni u ta’ ferħ, u sostna li l-assoċjazzjoni tagħti każ u fejn hemm bżonn tintervjeni biex tagħmel l-affarijiet aħjar, u b’hekk tat din l-eċċezzjoni lit-tliet timijiet.

Aktar dalgħodu, il-kowċ tat-tim promoss għall-kampjonat Premier Naxxar Lions Vince Carbonaro, kien wera d-diżappunt tiegħu lejn l-uffiċjali tal-MFA minħabba li ma ngħatax permess lill-plejers kollha fuq il-line-up biex ma joħorġux it-tfal tagħhom fil-pitch magħhom qabel il-bidu tal-logħba ta’ għada kontra Senglea fil-Victor Tedesco Stadium. Carbonaro qal li 11-il tifel u tifla għandhom il-permess li jagħmlu dan.

F’post fuq facebook, Carbonaro kompla jgħid li filwaqt li timijiet f’diviżjonijiet oħra kellhom dan iċ-ċans, lilhom u lil Senglea qalulhom le. Il-kowċ ta’ Naxxar kien għalaq b’appell biex id-deċiżjoni ma tapplikax għal xi timijiet biss, hekk kif fil-futur se jkun qed jiċċelebraw ir-rebbieħ tal-kampjonat Premier u l-finali tal-FA Trophy. Dalgħodu, Carbonaro kien qal li jittama li jirrenja s-sens komun u d-deċiżjoni titneħħa immedjatament għat-timijiet kollha.