Is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel kiseb il-Pole Position għall-Grand Prix li se jsir il-Ħadd fir-Russja.
Minn warajh se jibda Kimi Riakkonen, ukoll tal-Ferrari filwaqt li Valterri Bottas tal-Mercedes se jibda mit-tielet post. Lewis Hamilton tal-Mercedes se jibda mir-raba’ post u l-Awstraljan Daniel Ricciardo se jibda mill-ħames post.
Din hi l-ewwel darba sa mill-2008 li żewġ karozzi tal-Ferrari se jkunu qed jibdew mill-ewwel żewġ postijiet. Dakinhar kien Kimi Raikkonen li kiseb il-pole position u li kieku lbieraħ ma kkommettiex żball lejn it-tmiem kien ikun hu li llum jibda mill-ewwel post.
Barra minn hekk din hi l-ewwel darba wara 18-il Grand Prix li l-Mercedes ma kisbux pole position u l-ewwel darba f’31 tellieqa li l-Mercedes m’għandhomx sewwieq li se jibda mal-ewwel tnejn.
Vettel se jkun qed jipprova jirbaħ it-tielet tellieqa dan l-istaġun wara li rebaħ fl-Awstralja u fil-Bahrain. Is-sewwieq l-ieħor li rebaħ din is-sena kien Hamilton meta spiċċa l-ewwel fiċ-Ċina.
Kif se jibdew:
1. Sebastian Vettel
2. Kimi Raikkonen
3. Valtteri Bottas
4. Lewis Hamilton
5. Daniel Ricciardo
6. Felipe Massa
7. Max Verstappen
8. Nico Hulkenberg
9. Sergio Perez
10. Esteban Ocon