Anthony Joshua kiseb rebħa drammatika lejn it-tmiem biex għeleb lil Wladimir Klitschko fi ġlieda mill-isbaħ f’Wembley għat-titlu dinji tal-heavyweight. Il-boxer ta’ 27 sena deher riesaq lejn l-ewwel telfa professjonali tiegħu meta spiċċa mal-art fis-sitt rawnd, iżda ssielet biex għeleb l-isfida tal-avversarju fil-11-il rawnd.
Joshua ddefenda b’suċċess it-titlu IBF, filwaqt li kiseb it-titlu WBA, iżda hemm spekulazzjoni li jista’ jkun hemm it-tieni ġlieda bejn dawn iż-żewġ boxers wara ġlieda quddiem rekord ta’ 90,000 spettatur. Klitschko kien irkupra minn knockdown kbira fir-raba’ rawnd, u minkejja l-età avvanzata tiegħu, l-eks champion wieġeb b’mod pożittiv sakemm tpoġġa mal-art darbtejn oħra.
Entratura mill-isbaħ ta’ Joshua li iżda naqas li jkompli magħha fil-bidu tal-ġlieda, hekk kif l-Ingliż kellu bidu kwiet. Fil-bidu tar-raba’ rawnd, Klitschko ħasad lil Joshua b’daqqa tajba bil-lemin, filwaqt li l-Ingliż wieġeb ftit wara.
Joshua beda tajjeb il-ħames rawnd u waqqa’ lil Klitschko mal-art b’serje ta’ daqqiet, iżda l-boxer ta’ 41 sena kien għadu attiv b’hook bix-xellug li ħasad lill-pubbliku Ingliż. Joshua beda jsibha diffiċli jikkontrolla, b’Klitschko jidher qrib ir-rebħa b’aktar daqqiet.
Wara li reġa’ spiċċa mal-art fis-sitt rawnd, Joshua b’xi mod irnexxielu jispiċċa r-rawnd. Reazzjoni minn Joshua fir-rawnd ta’ wara, iżda kull darba Klitschko beda jkollu l-aħħar tbissima. Il-boxer Ingliż kien jinsab fl-itwal ġlieda tiegħu u prova jieħu l-kontroll b’żewġ daqqiet kbar bil-lemin fid-disa’ rawnd, minkejja li Klitschko wieġeb tajjeb fl-għaxar rawnd.
Fil-bżonn tal-urġenza, Joshua sploda mir-rokna tiegħu fil-11-il rawnd u b’uppercut xellugija ħasad lil Klitschko bil-boxer Ukren jispiċċa mal-art wara aktar daqqiet, b’Joshua jassigura r-rebħa b’aktar daqqiet.
//= $special ?>