#muscatgate Lokali

“Hemm bżonn tinstab soluzzjoni immedjata għal din l-instabiltà politika” – GRTU

Il-GRTU spjegaw li jinsabu allarmati bl-inċertezza politika li s-sferi ekonomiċi u soċjali spiċċaw fiha. Huma saħqu li r-riżultati huma ferm nkwetanti hekk kif għadd kbir ta’ membri mill-GRTU esprimew l-inkwiet tagħhom b’din l-instabilita politika li jidher li l-konklużjoni tagħha għadha ‘l bogħod.

Fi stqarrija l-GRTU spjegat li l-kummerċ lokali qed jieħu diksata bit-tensjoni politika li pajjiżna waqa’ fiha, kif ukoll minħabba l-fatt li l-elezzjoni ġenerali tinsab fuq l-għatba.

Ma’ kull aħbar ta’ skandlu li qed toħroġ – ġurnata wara oħra – l-kummerċ lokali qed jintlaqat negativament. It-tnaqqis fil-bejgħ qed jilħaq livelli bla preċedent, kif ukoll l-investimenti in ġenerali qed jesperjenzaw tnaqqis.

Għaldaqstant il-GRTU saħqet li hemm bżonn tinstab soluzzjoni immedjata sabiex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni politika f’pajjiżna.

Huma saħqu li qed jistennew lill-istituzzjonijiet sabiex iwettqu l-għalmu tagħhom biex isibu soluzzjoni mill-aktar fis possibli. Dan filwaqt li insistew li pajjiżna ma ħaqqux hekk.

Il-GRTU talbet biex tinstab soluzzjoni bil-għan li din l-instabiltà tiġi solvuta illum qabel għada.