#muscatgate Lokali

Il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali ilhom jafu sena bill-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti

The Sunday Times of Malta, fl-istorja ewlenija tagħha, żvelat li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-Avukat Ġenerali Peter Grech ilhom jafu minn tal-anqas sena bil-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti, fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ħa commissions illegali ta’ €100,000 mill-bejgħ ta’ 3 passaporti lil familja Russa.

Uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija u anke fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonfermaw li kemm
il-Kummissarju kif ukoll l-Avukat Ġenerali kienu nfurmati dwar is-suspetti ta’ ħasil ta’ flus fit-tranżazzjonijiet li kienu saru. L-informazzjoni li kellhom kienet dwar dak li żvela l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nhar it-Tlieta li għadda, jiġifieri li l-konsulent ta’ Muscat Brian Tonna għadda €100,000 lil Keith Schembri mill-kont ta’ Willerby Inc – l-kumpanija ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands – lil Keith Schembri, fil-kont ta’ Pilatus Bank.

Uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija qal lit-Times li kemm l-eks Kummissarju Michael Cassar kif ukoll il-Kummissarju ta’ issa Lawrence Cutajar kienu nfurmati, u għalhekk kellhom jieħdu l-passi kontra Keith Schembri.

Madanakollu, Michael Cassar ma setax jieħu passi għaliex l-għada li rċieva l-informazzjoni, ma reġax mar id-Depot tal-Pulizija, tant li kien irriżenja. Li hu żgur hu, qal l-uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija, li Keith Schembri ma tressaqx akkużat b’ħasil ta’ flus sa issa.

Wara dak żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista nhar it-Tlieta, kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali żammew is-silenzju u ma lissnu ebda kelma. Mat-Times, Peter Grech ġab skuża bis-segretezza u qal li għalhekk ma jistax jitkellem, waqt li Lawrence Cutajar u Keith Schembri ma wieġbux il-mistoqsijiet li ntbagħtulhom.

L-Avukat Ġenerali hu wkoll iċ-Chairperson tal-FIAU li għamlet ir-rapport dwar Keith Schembri, u li rrakkomandat li jittieħdu passi kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

FILMAT: Korruzzjoni fil-bejgħ tal-passporti

Nhar il-Ħamis li għadda, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil mar quddiem il-Maġistrat li qed jinvestiga kriminalment lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri u ppreżenta l-provi dwar dan il-każ.

FILMAT: Il-Qorti tilqa’ il-provi tal-Kap tal-PN u se tinvestigahom