Internazzjonali

Il-Papa jħeġġeġ medjazzjoni internazzjonali fil-kriżi tal-Korea

Il-Papa Franġisku, li għadu kemm temm żjara fl-Eġittu, ħareġ appell urġenti għal medjazzjoni internazzjonali biex tnaqqas mit-tensjoni akuta bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq komunista rigward l-aħħar attività nukleari mir-reġim ta’ Pyongyang.

Filwaqt li aċċenna għall-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kap tal-Kattoliċi ssuġġerixxa lin-Norveġja bħala eżempju ta’ pajjiż li dejjem lest biex jgħin fl-isforzi ta’ medjazzjoni meta jinqalgħu l-kriżi fuq livell globali. Fl-istess ħin, il-Papa wissa li l-kriżi mal-Korea ta’ Fuq saret wisq perikoluża u qed tissogra li tixpruna gwerra devastanti li kapaċi teqred parti kbira mill-umanità.

Il-Papa kien qed jitkellem sigħat wara li l-Korea komunista wettqet prova oħra għal missila ballistika li falliet fl-iskop tagħha — bl-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel jgħidu li din il-missila splodiet ftit wara li kienet sparata minn sit partikulari lejn it-Tramuntana ta’ Pyongyang.  Il-Korea ta’ Fuq kienet persistiet b’din il-prova ftit wara li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddiskuta l-programm missilistiku tar-reġim komunista Korea.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Kattoliċi qed jinsisti li t-triq ‘il quddiem, fil-kriżi tal-Korea, għandha tkun dik tan-negozjati għal soluzzjoni diplomatika. Dan fost tensjoni kbira fir-reġjun inkwistjoni, bil-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel it-tnejn iwettqu sensiela ta’ eżerċizzji militari.

Fl-aħħar żviluppi l-aircraft carrier, il-USS Carl Vinson, u bastimenti tal-gwerra oħrajn tal-Istati Uniti, waslu fil-peniżola Koreana, fost l-ansjetà tal-osservaturi minħabba li l-Istati Uniti heddet li tuża l-forza militari fil-konfront tal-Korea ta’ Fuq f’każ li jkun neċessarju.