Il-klikka ta’ Kastilja taf li nqabdet, tinsab daharha mal-ħajt, li l-ġranet tagħha huma magħduda u se tagħmel minn kollox biex tibqa’ fil-poter.
Kliem Beppe Fenech Adami, li waqt l-attività politika f’Ħ’Attard fakkar kif kien biss ftit jiem wara r-rebħa tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, dawk li ddeskrivihom bħala ħallelin diġa’ kienu qed jippreparaw kif se jisirqu miljuni lill-poplu u lil pajjiżna.
Qal li l-poplu Malti kien ilu jistaqsi għaliex Muscat kien qed jiddefendi lil dawk ta’ madwaru, minkejja li kienet qed issir ħsara lilu u lil pajjiżna. Iżda llum kulħadd induna li jekk jieħu azzjoni fuq dawk ta’ madwaru, il-Prim Ministru kien ikollu jinżel magħhom, kienu jduru fuqu u jgħidulu: “Jekk nitilqu aħna trid titlaq int ukoll.”
“Kieku jdur fuqhom u jgħidilhom li huma korrotti, kienu jduru fuqu u jgħidulu li hu korrott bħalhom,” qal Beppe Fenech Adami, li fakkar li l-poplu Malti u Għawdxi kollu llum jifhem dan.
Kompla li “hu għalhekk li rajna x-xeni ta’ din il-ġimgħa, b’nies b’darhom mal-ħajt. Iċ-ċirku żgħir illum qed jistaqsi kif jista’ jkun li nqabdu, imma r-risposta hi faċli – il-giddieb għomru qasir, il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser, u s-sewwa jirbaħ żgur,” iddikjara Beppe Fenech Adami fost l-ewforija ta’ folla kbira li nġabret f’Ħ’Attard.
Beppe Fenech Adami qal li l-poplu jaf li dawn in-nies għandhom ħafna x’jitilfu, imma appella lill-Prim Ministru biex miegħu ma jniżżilx ukoll lil Malta u Għawdex. Appella wkoll lill-ħafna li jafu dwar il-korruzzjoni f’dan il-pajjiż, biex ma jibżgħux jikxfu, għaliex il-Partit Nazzjonalista se jiddefendi lill-whistleblowers akkost ta’ kollox.
Indirizza wkoll lil-Laburisti ġenwini, bħalma hu Godfrey Farrugia, li qal li huma wkoll għandhom responsabiltà kemm lejn il-pajjiż u l-partit tagħhom li ma jixraqlux jitmexxa mill-kriminali u l-korrotti.
Dar ukoll lejn in-Nazzjonalisti, li ħafna drabi għażlu li jivvutaw lill-Partit Laburista u kellhom raġunijeit tagħhom, imma qal li llum-il ġurnata l-Partit Nazzjonalista sar mill-ġdid il-partit tagħhom. Filwaqt li skuża lil min il-Partit Nazzjonalista weġġa’, stedinhom lura billi qal li l-partit illum miftuħ mill-ġdid, lest li jilqa’ lil dawn in-nies lura.
//= $special ?>