#muscatgate Lokali

Joseph Muscat jattakka lill-whistleblower, wara li kixfet l-iskandlu tiegħu

Jidher li l-kliem li jgħid Joseph Muscat, dak li tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna ma jgħoddx għal kulħadd

Ikomplu s-sensiela ta’ attakki personali tal-Partit Laburista – din id-darba jmiss attakk fuq il-whistleblower. Joseph Muscat u l-Gvern Laburista tiegħu dahru fuq il-persuna li fl-aħħar jiem żvelat l-iskandlu tat-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama, hekk kif din kixfet li l-kumpanija Egrant hi ta’ Michelle Muscat.

Dan l-attakk fuq il-whistleblower ġie wara attakk pjanat direttament minn Kastilja, u li dawn l-allegazzjonijiet diġa’ ġew miċħuda.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt id-diskors tiegħu fin-Nadur, attakka personalment lil din il-whistleblower (l-eks impjegata tal-Pilatus Bank) li ħarġet l-informazzjoni pubblikament fuqu u kixfet li Joseph Muscat direttament hu involut f’dan l-iskandlu. B’hekk minkejja li din l-inkjesta li sejjaħ hu stess qed issir wara bibien magħluqin mingħajr ebda aċċess għall-pubbliku jew il-media, Joseph Muscat qal li għandu l-informazzjoni dwar din il-whistleblower, u jidher li ma tantx ħa gost li din l-istess persuna telgħet tixhed u tgħaddi l-informazzjoni lil Maġistrat.

Iżda dawn l-attakki fuq il-whistleblower mhux ġejjin biss mingħand Joseph Muscat innifsu, imma anke d-deputati li tkellmu qabel il-Prim Ministru f’Għawdex.

B’hekk fit-tliet diskorsi minn tliet kelliema differenti – partikolarment dik ta’ Joseph Muscat – kollha dawru l-attenzjoni tagħhom u attakkaw lil din il-persuna li għandha informazzjoni fuq l-iskandlu tal-Panama Papers ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Jidher li l-kliem li jgħid Joseph Muscat, dak li tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna ma jgħoddx għal kulħadd – partikolarment għal nies li huma whistleblowers u qed jużaw l-istess liġi li ħoloq il-Gvern Laburista kontra Joseph Muscat stess.