#muscatgate Lokali

“Il-kriminali f’Kastilja ddisprati biex jiddevjaw l-attenzjoni minn fuqhom”

L-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu dan fi stqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista

Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista jiċħdu bl-aktar mod kategoriku l-gidba ta’ Joseph Muscat li fil-kiri tal-uffiċini tagħhom hemm xi frodi jew abbuż.

L-Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista qalu dan fi stqarrija b’risposta għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, fejn żiedu li tant kemm m’għandhomx x’jaħbu li r-rapporti tal-awdituri li ppublikaw saru fuq inizjattiva tagħhom stess, jsiru kull sena u jiġu ppubblikati kull sena. Dawn l-istess rapporti tal-awdituri professjonali – u li aktar kmieni llum ingħataw lill-media wkoll – jikkonfermaw kemm Muscat hu giddieb bil-provi. Il-konferma ta’ kemm l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista m’għandhomx x’jaħbu toħroġ mill-fatt li dawn ir-rapporti tal-awdituri mhux dalgħodu ġew ippubblikati, iżda jiġu ppubblikati kull sena. Il-kiri tal-uffiċini tal-MEPs isir bl-aktar mod regolari, skont il-liġi u b’rati kummerċjali. Għalhekk, il-kriminali ta’ Kastilja qegħdin biss jigdbu.

L-istqarrija tgħid li issa, ladarba l-kriminali ta’ Kastilja ħadu d-diskussjoni fuq il-flus li l-MEPs jingħataw mill-Parlament Ewropew biex iħallsu għall-uffiċini u l-impjegati tagħhom, l-Partit Nazzjonalista jisfida lil Muscat jispjega kif u għaliex, meta kien MEP, qatt ma ppubblika audit tal-ammonti li kien jirċievi u kif kellu biss impjegat wieħed meta kellu budget ta’ €20,000 fix-xahar. Il-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu spjegazzjoni dwar dan.

Il-kriminali li hemm f’Kastilja tant jinsabu ddisprati li spiċċaw jaraw x’se jivvintaw biex jiprovaw jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq il-fatti bil-provi li qed jiġu żvelati dwar l-aġir kriminali tagħhom, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.