Gidba. Ma hemmx mod ieħor kif tiddeskrivi dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat dwar il-Membri Parlamentari eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. Il-fatti dokumentati jikkonfermaw li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jerġa’ jigdeb. Id-dokumenti li jgiddbu lil Joseph Muscat qed jiġu pubblikati b’mod immedjat ma’ din l-istqarrija.
Il-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista huma marbuta b’impenn ta’ trasparenza. Il-fondi allokati lill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista huma dikarjati, awditjati u pubblikati. Dan hu proċess rigoruż. Ma’ din l-istqarrija qed jiġu ppubblikati Certification Statement li huma prova mill-aktar qawwija tal-gidba ta’ Joseph Muscat.
Hu evidenti li Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt u jrid jipprova jsib mod kif idawwar l-attenzjoni minn fuqu u l-klikka ta’ kriminali tiegħu li hi akkużata b’korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus. L-arma li qed juża hi li jivvinta, li jigdeb.
L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista m’għandhom xejn x’jaħbu. L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista la għandhom Hearnville, la Tillgate, u lanqas Egrant. Il-kriminali ta’ dawn il-kumpaniji għandhom x’jaħbu, l-aktar dawk li lanqas biss iwieġbu l-mistoqsijiet quddiem il-Kumitati tal-Parlament Ewropew.
Flok jivvinta u jigdeb dwar ħaddieħor, Muscat għandu jitlaq issa, għaliex postu mhux fil-politika.





