Sport Waterpolo

San Ġiljan Champions tax-xitwa għat-tielet darba

Il-captain ta' San Ġiljan Matthew Zammit jgħolli t-tazza ta' Champions (Ritratt: Joseph Galea)

San Ġiljan Tum Invest…..8

Sliema Betsson…………….6

(3-1), (1-1), (0-2), (4-2)

Sessjoni brillanti lejn it-tmiem wasslet lil San Ġiljan Tum Invest biex jirbħu l-finali għar-rebħ tal-kampjonat tax-xitwa, b’rebħa ta’ 8-6 fuq Sliema Betsson. Logħba sabiħa mimlija emozzjonijiet, hekk kif Sliema offrew sfida denja u minkejja li ma bdewx il-logħba bħala favoriti, ħabbtu mhux ftit lill-avversarji.

Is-sistema tattika li adotta Bogdan Rath kienet effettiva għal ħinijiet twal fejn speċjalment fis-sessjoni ta’ wara l-mistrieħ, ġabu f’diffikultà lill-Ġiljaniżi. Iżda l-esperjenza ta’ San Ġiljan f’dawn is-sitwazzjonijiet, immexxija tajjeb minn Marko Orlovic, wasslu biex skorjaw f’mument importanti. Hu mistenni li dan id-dwell, ikompli fil-kampjonat tas-sajf.

Peter Borg jagħmel l-iskor 5-4 għal San Ġiljan (Ritratt: Joseph Galea)

San Ġiljan fetħu tajjeb u dehru li setgħu jagħmlu bħal ma għamlu fl-ewwel logħba tal-istaġun, b’gowls minn Ben Plumpton, Matthew Zammit u Dino Zammit, b’Jerome Gabarretta jġib id-draw momentarju. Iżda Sliema dehru determinati li dan ma jseħħx u qasmu l-logħob mal-avversarji b’gowl kull naħa, b’San Ġiljan jibqgħu minn fuq, f’sessjoni fejn San Ġiljan tilfu lil Ben Plumpton u Sliema tilfu lil Kai Dowling.

Sliema ħarġu aħjar wara l-mistrieħ, iddettaw aktar il-logħob u b’gowl fil-bidu u lejn tmiem is-sessjoni ta’ Gabarretta u Spiteri Staines, irnexxielhom iġibu d-draw, b’San Ġiljan ma jkunux komdi fil-logħob tagħhom.

Il-partitarji ta’ San Ġiljan wara l-partita (Ritratt: Joseph Galea)

Peter Borg mill-viċin għamel l-iskor 5-4, iżda l-captain Mark Meli ġab id-draw b’xutt imxellef. San Ġiljan irnexxielhom imorru minn fuq b’doppjetta tal-veteran Paul Fava u dehru li kważi għalqu l-logħba, iżda Gabarretta reġa’ skorja biex ħalla l-logħba miftuħa. Iżda kien il-captain Matthew Zammit li b’xutt fuq l-ewwel lasta għalaq il-logħba.

Fi tmiem il-partita, l-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna flimkien mal-President tal-ASA Joe Caruana Curran preżentaw it-tazza ta’ Champions lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, B. Grech, D. Zammit, M. Zammit (3), B. Plumpton (1), J. Galea, T. Said, A. Cousin, P. Fava (2), D. Zammit (1), T. Micallef

Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta (3), E. Aquilkina, C. Cluett, M. Meli (1), K. Dowling, M. Spiteri Staines (2), M. Mifsud, A. Mifsud, A. Attard, Z. Mizzi, N. Bugelli, Z. Sciberras

Referees: Mario Dalli, Peter Balzan

Tags