Internazzjonali

Is-Sirja: Ribelli javvanzaw fuq il-fortizza tal-ISIS f’Raqqa

Alleanza ta’ ribelli u ġellieda Kurdi u Għarab qed javvanzaw kontra l-ISIS fil-belt ta’ Tabqa, li hi qrib il-fortizza ewlenija tat-terroristi f’Raqqa, lejn it-Tramuntana tas-Sirja.

Il-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF), li huma appoġġjati mill-Istati Uniti, ħadu f’idejhom aktar min-nofs it-territorju ta’ Tabqa li jinkludi l-kwartier antik tal-belt, iżda l-mira importanti tibqa’ dejjem Raqqa – għal żmien twil il-hub u l-hekk-imsejħa ‘kapitali’ tal-ISIS fis-Sirja.

Il-ġlied qed ikompli f’Tabqa, bil-qawwiet tal-ajru tal-Amerikani jibbumbardjaw il-pożizzjonijiet tal-ISIS fost l-avvanzi tar-ribelli.

It-terroristi tal-ISIS, fl-aħħar xhur, tilfu l-kontroll fuq medda ta’ territorju madwar is-Sirja u l-Iraq, bl-aħħar rapporti mill-inħawi ta’ Tabqa jgħidu li r-ribelli rnexxielhom jaħtfu diversi armamenti, fosthom missili, li sa ftit ilu kienu f’idejn it-terroristi.

L-SDF kienu daħlu f’Tabqa fil-bidu tal-ġimgħa bħala parti mill-offensiva fuq Raqqa li qed issir bis-sehem tal-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Amerikani, u bl-għajnuna tal-konsulenti mal-qawwiet speċjali.

Din il-belt tinsab fl-inħawi ta’ rotta strateġika importanti lejn il-Punent minn Raqqa waqt li serviet ukoll bħala bażi sinifikanti għall-ISIS minfejn imexxu l-azzjonijiet qattiela. Fil-preżent hemm madwar 85,000 resident f’Tabqa, u li jinkludu ġellieda tal-ISIS li ġejjin minn bnadi oħra.

Intant, l-ISIS għadhom qed jirreżistu bil-qawwi għall-avvanzi tal-SDF, fejn qed jużaw anki d-drones armati, bħala tattika li l-istess terroristi perfezzjonaw waqt xhur ta’ konflitt fl-Iraq.