#muscatgate

STĦARRIĠ MT: Daqqa ta’ ħarta għal Muscat

  • L-anqas distakk li qatt kien hemm bejn Busuttil u Muscat – within margin of error
  • Wieħed minn kull erba’ Laburisti tilfu l-fiduċja f’Muscat
  • 8% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista, issa se jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista
  • 15% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista, issa jew mhux se jivvutaw jew ma jafux kif se jivvutaw

Stħarriġ ippubblikat illum mill-gazzetta Maltatoday jikkonferma li l-fatti żvelati fl-aħħar jiem dwar il-kumpanija Egrant u l-korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti taw daqqa ta’ ħarta kbira lil Muscat li, fi żmien qasir ħafna, tilef aktar minn 3% tal-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan filwaqt li l-fiduċja fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kompliet tiżdied.

Fil-fatt, l-istħarriġ ippubblikat illum juri l-anqas distakk li qatt kien jeżisti bejn iż-żewġ mexxejja – dak ta’ 3.5%, li hu within margin of error.

L-istħarriġ juri wkoll li d-distakk bejn iż-żewġ partiti kompla jonqos, tant li issa, d-differenza hi biss ta’ 3.6%, li hu wkoll hi within margin of error.

Bla dubju ta’ xejn, id-dokumenti żvelati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li juru li l-mara tal-Prim Ministru hi l-Ultimate Beneficial Owner ta’ Egrant, kif ukoll il-provi żvelati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar commissions illegali li ħa ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri minn bejgħ ta’ passaporti kienu daqqa ta’ ħarta kbira għal Joseph Muscat.

Fil-fatt, illum, kwart tal-Laburisti tilfu l-fiduċja fil-mexxej tagħhom. Filfatt, filwaqt li 85.1% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista jafdaw lil Simon Busuttil, huma biss 73.7% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista li jafdaw lil Joseph Muscat. 8.2% ta’ dawk li vvutaw għal Muscat fl-aħħar elezzjoni, issa qed jiddikjaraw lil Simon Busuttil. Filwaqt li hemm kważi 15% ta’ dawk li vvutaw lil Muscat fl-elezzjoni li għaddiet, issa jew mhux se jivvutaw, jew li ma jafux kif se jivvutaw. Evidenti hu l-fatt li hemm bosta Laburisti li mhux iħossuhom komdi b’dak li qed jiġi żvelat u se jkompli jiġi żvelat dwar il-mexxej tagħhom u l-kriminali li hemm f’Kastilja.