Internazzjonali

Trump jattakka lill-istampa dwar ‘aħbarijiet qarrieqa’

 

Il-President Amerikan Donald Trump mill-ġdid attakka lill-istampa tal-IstatiUniti bħala istituzzjoni ‘li tirrapporta b’mod qarrieqi’ u li ‘mgħandhiex idejha fuq il-polz tal-poplu’. Il-kritika saret waqt rally f’Pennsylvania li kien qed ifakkar l-ewwel 100 jum ta’ Trump fil-poter.

Sadanittant, Trump enfasizza li hu ‘qed iżomm wiegħda wara l-oħra’, fost kummenti li ‘hu ma jagħtix każ rapporti li jibbażaw biss fuq fake news’.

Donald Trump anki ddeċieda biex ma jattendix il-Correspondents’ Dinner fil-White House, biex sar l-ewwel mexxej Amerikan li injora dan l-avveniment miż-żmenijiet tal-eks President Ronald Reagan, fl-1981.

Qabel l-attakk ta’ Trump fuq l-istampa, saru dimostrazzjonijiet kbar kontra l-politika tal-President rigward il-bidliet fil-klima. Dan meta r-rati tal-approvazzjoni għall-President Repubblikan huma fissati mal-40 fil-mija, b’dan qed jitqies bħala l-agħar livell ta’ approvazzjoni għal kwalunkwe President fl-istorja wara l-ewwel 100 jum ta’ tmexxija.

Meta tkellem waqt ir-rally f’Harrisburg ( Pennsylvania) Trump qal li l-istampa ‘falliet milli tirrapporta fedelment dwar il-kisbiet tiegħu bħala President’ waqt li insista li l-ewwel 100 jum tal-Presidenza kienu ‘eċċitanti u produttivi ferm’. Hu saħaq li qed jipproduċi r-riżultati kuljum għall-ġid tal-Amerikani waqt li ftaħar li seta’ jirtira minn ftehim internazzjonali li ma kenux għall-benefiċċju għall-Istati Uniti.

Il-President Amerikan lanqas ma żamm lura mill-kritika għall-eks President Amerikan, Barack Obama, fejn sostna li l-amministrazzjoni preċedenti f’Washington ‘ħalliet it-taqlib warajha’. Sadanittant, Trump indirizza wkoll il-kunċett tal-klima u l-bidliet li hi suġġetta għalihom fejn qal li għandha tittieħed ‘deċiżjoni kbira fi żmien ġimgħatejn’.