Ir-responsabbiltà għall-futur ta’ Malta hija f’idejn kulħadd u għalhekk għandu jkun kulħadd li jqum, jitkellem u jaġixxi sabiex dak li għandu jsir, isir illum qabel għada. Hekk biss tista’ terġa’ tikber it-tama f’pajjiżna. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil taħt it-tinda f’Ħ’Attard bit-tema ‘Għall-Pajjiż Li Jixraqlek’.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista, huwa parti minn din il-Forza Nazzjonali se tagħmel Mass Meeting għada l-1 ta’ Mejju sabiex jagħti vuċi lil dawk kollha li jridu jieħdu azzjoni fuq din is-sitwazzjoni perikoluża.
Impenn għal bidla radikali fil-Kostituzzjoni
Simon Busuttil qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jġib bidla radikali fil-kostituzzjoni sabiex Malta ma’ terġa qatt tasal f’emerġenza bħal ma tinsab fiha llum. Hu qal li s-sitwazzjoni li jinsab fiha pajjiżna mhijiex biss waħda ta’ kriżi politika u kostituzzjonali, bħalma qiegħed jirrikonoxxi kulħadd, imma hija waħda perikoluza. Dan huwa ċar għal kull min għandu għajnejn biex jara u moħħ biex jaħseb, qal Simon Busuttil, u llum kulħadd jaf li Kastilja hija mmexxija minn klikka kriminali.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li l-unika mod kif il-membri ta’ din il-klikka jeħilsu mill-ħabs hija li jibqgħu fil-poter. Dawn qegħdin fil-poter għalihom infushom, sabiex isalvaw ġildhom, qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li waqt is-Summit tal-PPE li sar ilbieraħ fi Brussell, kollegi Ewropej daru fuqu u staqsew dwar dak kollu li qiegħed jiġri f’Malta u b’dieqa kbira kellu jispjega kif f’pajjiżna għandna Prim Ministru li qiegħed taħt investigazzjoni magisterjali iżda jibqa’ ma jirriżenjax. Meta semma’ kif din il-ġimgħa, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nqabad li kien qed jieħu flus b’korruzzjoni mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Simon Busuttil qal li membri oħra tal-PPE qalulu bla tlaqlieq li dik mhix sempliciment ċittadinanza Maltija imma ċittadinanza Ewropea wkoll.
Simon Busuttil qal li ladarba n-nies ma jistgħux iserrħu fuq l-istituzzjonijiet, qiegħdin jiġu għand il-Partit Nazzjonalista biex jaqsmu l-informazzjoni u qal li huwa personalment wiegħed protezzjoni għal kull min jgħaddi kwalunkwe dettal li jista’ jwassal biex toħroġ il-verità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, wara li sirna nafu b’ċertezza li Keith Schembri kien qiegħed idaħħal flus b’korruzzjoni fil-kont ta’ Pilatus Bank, ir-reazzjoni tal-Prim Ministru għal dan kollu kienet li huwa jafda liċ-Chief of Staff tiegħu. Keith Schembri huwa l-person of trust ta’ Joseph Muscat, qal Simon Busuttil, iżda m’aħniex ċerti jekk ‘trust’ tfissirx fiduċja jew xi struttura moħbija fi New Zealand.
Il-Prim Ministru jigdeb b’mod sfaċċat, qal Simon Busuttil, tant li anke meta hemm fatti li juru dak li għamlu iswed fuq l-abjad, jibqa’ jigdeb u jiċħad. Kien għalhekk, qal Simon Busuttil, li huwa ħa r-responsabbiltà fuqu nnifsu u għamel talba biex jixhed taħt ġurament għand il-Maġistrat sabiex dan jinvestiga l-provi ċarissimi li ppreżentalu.
L-Avukat Ġenerali ħa l-ġurament lejn il-Kostituzzjoni
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-kobba kompliet titħabbel u llum il-ġurnal Sunday Times of Malta kixef li kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija ilhom jafu sena dwar dawn il-każi ta’ kickbacks u korruzzjoni iżda baqgħu m’għamlu assolutament xejn.
Il-Kap tal-Partit Nazzzjonalista qal li ma huwa sorpriż xejn li l-Kummissarju tal-Pulizija ma ħa l-ebda pass, għalkemm l-uffiċjali tal-Pulizija li jagħmlu dmirhom sew għandhom ir-rispett sħiħ tiegħu. Simon Busuttil qal li huwa bl-ebda mod ma jikkundanna lill-uffiċjali li jaqdu dmirhom għax il-ġurament tagħhom mhux lejn Joseph Muscat iżda lejn il-pajjiż.
Li l-Avukat Ġenrali m’għamel xejn iżda, qal Simon Busuttil, hija sorpriża u qal li jista’ jimmaġina kif dan huwa mwerwer taħt il-pressjoni li qegħdin jagħmlulu. Simon Busuttil appellalu li huwa l-ġurament tiegħu ħadu lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta u li jekk il-Gvern qiegħed jipprova jużah għandu jkun raġel u jitlaq qabel iħallihom iħammġu lilu u l-uffiċju tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta ħarġu l-allegazzjonijiet gravi u dettaljati dwar is-sid ta’ Egrant, il-Prim Ministru ċaħad mill-ewwel. Fl-istess ħin, iżda, il-proprjetarju ta’ Pilatus Bank inqbad jaħrab b’żewġ bagalji mill-Bank fis-satira tal-lejl. Anke wara dan kollu, qal Simon Busuttil, il-Prim Ministru baqa’ jgħid li m’hemm xejn barra min-normali, tant li waqt il-programm Xarabank huwa ħareġ ċertifikat li jipprova jmeri dan kollu. Din il-ġimgħa, fakkar Simon Busuttil, sirna nafu li dak iċ-ċertifikat kien wieħed falz.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti għal protezzjoni tal-whistleblower
Simon Busuttil qal li il-whistleblower li kixfet din l-istorja kollha marret minn jedda, mingħajr ħadd ma mbuttahha jew ġiegħla, u xiehdet għal tliet siegħat sħaħ quddiem il-Maġistrat. Simon Busuttil irringrazzjaha f’ismu, f’isem il-Partit Nazzjonalista, u f’isem il-poplu Malti tal-kuraġġ tagħha.
Huwa qal li, hekk kif tkellmet din il-mara, infetħu l-kanuni minn Kastilja stess fuqha. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-politiċi jifhmu li jkunu attakkati, iżda ma kienx biżżejjed għall-Gvern ta’ Joseph Muscat li jiġu attakati anke ġurnalista, issa qegħdin fil-mira tiegħu anke persuni privati li jażżardaw iqumu għal dak li jemmnu.
Simon Busuttil qal li huwa qiegħed jitlob pubblikament lill-Pulizija ħalli jaraw li jagħtu protezzjoni sħiha lil din il-persuna u lill-familja tagħha, Jekk din il-persuna jiġrliha xi ħaġa, Simon Busuttil qal li l-poplu se jżomm lil Joseph Muscat personalment responsabbli.
Huwa tenna li dawk li għandhom informazzjoni għandhom jagħmlu dak li huwa fl-interess tal-poplu u jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista bħalma diġà qeegħdin jagħmlu ħafna. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jitkellem biss meta jkun hemm il-fatti ċari mija fil-mija għaliex dan mhuwiex il-Partit li jitfa’ t-tajn.
Gvern ġdid Nazzjonalista jreġġa’ lura n-normalità b’mod konkret
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ numru ta’ wegħdi ċari li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li mal-ewwel ġurnata tal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta huwa se jordna inkjesta sħiħa fil-każi kollha ta’ korruzzjoni. Huwa qal li se ssir ġustizzja u ħaqq ma’ kull min qiegħed jikser il-liġi u Gvern ġdid Nazzjonalista se jagħmel dak li pajjiżna għandu bżonn: tiġdid radikali fil-kostituzzjoni u l-mod kif jaħdmu s-sistemi f’Malta.
Dak li sar fl-aħhar erba’ snin, qal Simon Busuttil, huwa tort ta’ dawk li għamluh iżda rridu naraw li l-istrutturi jinbidlu b’tali mod li dawn l-affarijiet ma jerġgħu isiru qatt iżjed. Gvern ġdid Nazzjonalista jibda proċess ta’ tiġdid kostituzzjonali minnufih li jassigura strutturi Labour proof, qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista, fid-dawl tal-falliment tal-isituzzjonijiet, qed jipproponi li jibdel l-istruttura tal-maġistratura b’tali mod li jkun hemm maġistrat investigattiv għall-każijijet ta’ korruzzjoni. Huwa qal ukoll li, sabiex niżguraw li l-istrutturi tagħna jkunu indipendenti u ma jispiċċawx hijacked minn min ikun qed imexxi, il-mexxeja tal-awtoritajiet jiġu maħtura b’vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.
Simon Busuttil qal li biex negħlbu din l-isfida rridu ninfetħu għal nies oħra u nitolbu l-għajnuna ta’ nies oħra u kien għalhekk li din il-ġimgħa sar ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku mmexxi minn Marlene Farrugia, li flimkien joħolqu forza akbar, forza tar-raġuni, forza tal-poplu – Forza Nazzjonali. Huwa qal li din l-istess stedina jagħmilha lill-Partiti oħra, lill-entitajiet, lill-personalitjiet oħra li s’issa żammew lura mill-Partit Nazzjonalista.
Ir-responsabbiltà hi tad-Deputati Laburisti
Kull wieħed minna, qal Simon Busuttil, jista’ jagħmel xi ħaġa sabiex jekk Joseph Muscat ma jitlaqx, huwa jitneħħa. Imma hawn min għandu s-saħħa sabiex il-ħsara ma tkompliex issir, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u dawn huma d-deputati tal-Partit Laburista. Huwa qal li dawn jistgħu isejħu laqgħa llum stess, jgħaddu vot ta’ sfiduċja u jneħħuh immedjatament.
Simon Busuttil qal li huwa jifhem li Joseph Muscat huwa piż kbir għalihom u li din hija responsabbiltà kbira, għaliex b’poter kbir jiġu responsabbiltajiet kbar. Iżda huwa appella sabiex dawn id-deputati ma jħarsux lejn il-pożizzjonijiet li seta’ jipprova jixtrihom bihom Joseph Muscat u jagħmlu dak li hemm bżonn f’isem l-interess nazzjonali.
Simon Busuttil qal li l-bieraħ Godfrey Farrugia għamel hekk meta rriżenja minn Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista. Huwa sellem lid-deputat Laburista għall pass ta’ kuraġġ kbir li wera biex telaq din il-kariga. Simon Busuttil qal li hemm persuni oħra ta’ integrità fil-grupp parlamentari Laburista u sejħilhom biex huma wkoll jagħmlu dak li hemm bżonn sabiex ma tibqax issir ħsara lil pajjiżna.
//= $special ?>