Wara li fil-jiem li għaddew saru taħditiet bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika għal ftehim elettorali, illum il-Partit Nazzjonalista informa lill-Alternattiva Demokratika li ma jistax jaqbel li joffri lill-Alternattiva ftehim differenti minn dak li diġà offra u qabel dwaru mal-Partit Demokratiku.
Apparti minn dan, il-Kostituzzjoni u l-Liġi Elettorali kif inhuma llum jagħmluha diffiċli ħafna li titwaqqaf koalizzjoni fil-forma kif tridha l-Alternattiva Demokratika.
Din il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġiet ikkomunikata u spjegata lit-tmexxija tal-Alternattiva Demokratika aktar kmieni llum wara nofsinhar.
Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku diġà stabbilew mudell prattiku u fattibbli kif jista’ jsir ftehim elettorali waqt li l-identità taż-żewġ partiti tibqa’ distinta b’mod aċċettabbli għat-tnejn. B’dan il-ftehim, il-Partit Demokratiku qabel li l-kandidati tiegħu jikkonestaw taħt il-kappa tal-Partit Nazzjonalista iżda jżommu l-identità tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista u l-Alternattiva Demokratika t-tnejn jifhmu l-bżonn urġenti li f’pajjiżna jitwarrab Joseph Muscat u jkollna Gvern ġdid li joffri tmexxija nadifa u bilgħaqal għal pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista japprezza dan l-ispirtu li bih daħlet għal dawn it-taħditiet l-Alternattiva Demokratika.
F’dan il-mument gravi għal pajjiżna fejn għandna kollass tal-istituzzjonijiet waqt li l-Prim Ministru mistenni jsejjaħ elezzjoni ġenerali kmieni biex isalva ġildu mill-ġustizzja, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ miftuħ għal ftehim mal-Alternattiva Demokratika fuq l-istess bażi li diġà ntlaħqet mal-Partit Demokratiku.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jfittex li jibni soċjetà ta’ kunsens u għalhekk jibqa’ jappella biex, f’dan il-mument ta’ għażla, il-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien biex ikollna Gvern ġdid li jibni pajjiż nadif.
//= $special ?>