Il-kumpanija li operat titjira bil-moħbi billejl lejn l-Ażerbajġan wara li ġie żvelat li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, irċeviet mal-€1 miljun f’sponsorship mill-Gvern, skont rapport ippubblikat mill-gazzetta Times of Malta.
Skont The Times, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), ħallset €1 miljun fi sponsorship lill-kumpanija VistaJet, minkejja li din il-linja tal-ajru ma ġġibx turisti lejn Malta. The Times tgħid li la l-MTA u l-anqas il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ma taw raġuni għaliex il-VistaJet ingħatat dan il-miljun minħabba “sensittività kummerċjali”.
The Times qalet li l-miljun ingħataw biex l-MTA tirriklama fil-magazine li jkun hemm fl-ajruplani tal-VistaJet. Madanakollu, skont l-istess rapport, mhuwiex normali li l-MTA tirriklama ma’ linji tal-ajru li ma jġibux turisti lejn Malta. VistaJet hija l-kumpanija li operat titjira lejn l-Ażerbajġan billejl bejn il-Ħamis 20 ta’ April u l-Ġimgħa 21 ta’ April wara li sid Pilatus Bank Ali Sadr deher ħiereġ b’żewġ bagalji f’idejh, ftit wara li kien żvelat li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.
Jirriżulta, skont riċerka li saret minn The Times, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-istaff tiegħu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru siefru 15-il darba bil-VistaJet bejn Ġunju 2015 u Awwissu 2016. Jirriżulta wkoll li l-miljun ewro fi sponsorship għall-VistaJet ingħataw wara insistenza mill-Uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
//= $special ?>AĠĠORNATA: It-titjira misterjuża issa lejn Dubaj wara waqfa fl-Ażerbajġan