Miż-żewġ logħbiet li kellna mir-rawnd tal-Elite, Luxol u Ħamrun Tre Angeli ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 4-4. Il-Ħamruniżi rnexxielhom jiftħu l-iskor kmieni fil-partita u għamlu minn kollox biex ikomplu jkabbru l-vantaġġ.
Għaldaqstant Luxol wettqu reazjjoni u mhux biss ġabu draw imma marru anki fil-vantaġġ. Tliet minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Ħamrun Tre Angeli reġgħu ġabu ż-żewġ timijiet fi skor indaqs. Matul it-tieni taqsima, deher ċar il-bilanċ li kien hemm bejn iż-żewġ timijiet u li ħadd minnhom ma ried jitlef dan il-konfront. B’hekk l-iskor finali ta’ 4-4 kien riżultat ferm ġust.
Ħamrun Tre Angeli sabu x-xibka b’doppjetta ta’ Jason Mifsud u gowl kull wieħed għal Peter Pullicino u Cleaven Portelli. Luxol min-naħa tagħhom kellhom lil Giancarlo Sammut li kien fl-aqwa tiegħu u skurja tripletta, flimkien mal-gowl ta’ Mark Zammit.
Min-naħa l-oħra rebħa kbira għal Swieqi fuq it-tim tal-Università bl-iskor ta’ 13-1. Għal Swieqi, il-protagonist prinċipali kien Boicho Marev li skurja xejn anqas minn sitt gowls u kellu sehem ukoll fil-biċċa l-kbira tal-gowls l-oħra li ġew skurjati.
Ta’ min isemmi wkoll lil Fredrick Johansson li kellu wkoll logħba tajba, permezz tal-blalen li ta lil sħabu u li sab ix-xibka darbtejn.
Il-gowls l-oħra ta’ Swieqi waslu mingħand Dylan Micallef, Dexter O’ Brien, Redeemer Borg, Dimitar Petev u Veselin Ivanov Gerenski.
L-uniku gowl għall-Universitarji ġie skurjat minn Andrea Farrugia.
Mill-ewwel diviżjoni, Sliema Wanderers taw daqqa oħra l-isfel lil Mrieħel ESS, fir-rebħa li kellhom ta’ 5-2. It-trio magħmul minn Radovan Duric, Mauro Busuttil u Aleksander Ribic, kompla jssaħħaħhom fil-quċċata tal-klassifika. Mrieħel ESS min-naħa tagħhom skurja darbtejn għalihom Ayoub Ahmad.
Tarxien JMI rritornaw għar-rebħ, meta għelbu lit-tim ta’ qiegħ il-klassifika Żurrieq Wolves, bl-iskor ta’ 6-0. Il-gowls waslu minn tripletta ta’ Joseph Meilak u gowl kull wieħed għal Leonard Alla, Ruben Sanchez u Vince Camilleri.
Msida SJ ukoll komplew jżidu fir-rebħ, meta għelbu lil Safi San Lorenzo bl-iskor ta’ 7-3. Il-Misidjani kisbu vantaġġ doppju minn Mohammed Lamari, filwaqt li Alexei Saliba naqas id-distakk għal Safi San Lorenzo. Qabel tmiem l-ewwel taqsima reġa’ kien Lamari sabiex għaqqad tripletta personali.
Wara tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Chris Cardona ta’ Msida SJ, skurja minn penalti. Fi ftit minuti wara, Safi San Lorenzo skurjaw żewġ gowls permezz ta’ Clive Calleja u Sean Vella.
Minkejja li Safi San Lorenzo dehru li kienu se jwettqu rimonta, Florin Manea, Chris Cardona u Ryan Xuereb issiġġillaw tliet punti oħra għal Msida SJ.
F’logħba oħra bilanċjata bejn Qrendi u Qormi, il-Qriema ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-3. Qormi marru fil-vantaġġ permezz ta’ George Chircop u Miguel Alcaraz u hekk baqa’ l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima. Aktar tard fit-tieni taqsima Etienne Bonnici kien sfortunat li rregala gowl lil Qrendi. Għaldaqstant reġgħu kienu George Chircop u Miguel Alcaraz li komplew ikabbru l-vantaġġ għal Qormi.
Qrendi daħlu sew fil-partita meta naqsu sew l-iskor permezz ta’ Bertram Azzopardi u Alan Spiteri. Fl-aħħar minuti James Tabone u Sam Vella aċċertaw ir-rebħa Qormija, li biha jikkonsolidaw il-ħames post.
It-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi rnexxielhom idawru telfa f’rebħa, meta għelbu lil Marsascala Construct Furniture bl-iskor ta’ 3-1.
Wara ħdax-il minuta logħob, Reuben Degabriele poġġa lil Marsascala fil-vantaġġ. Min-naħa l-oħra iż-żgħażagħ ta’ Swieqi emmnu iktar fihom infushom u dawru r-riżultat favurihom. It-tliet gowls għat-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi waslu permezz ta’ Dean Bonello, Darryl Schembri u awtogowl ta’ Ryan Mifsud.
//= $special ?>