#muscatgate Lokali

Instabbilità: post Muscat mhux fil-politika

Id-diskors ta’ Muscat fuq il-media Laburista dalgħodu jikkonferma l-instabbilità li mhux biss jinsab fiha hu, iżda qed ipoġġi fiha anke lill-pajjiż,  sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija. Din l-instabbilità qed jitkellmu fuqha min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema, li Muscat nesihom kompletament, tant li dalgħodu – f’Jum il-Ħaddiem – mar fuq il-media Laburista biss biex jiddefendi lilu nnifsu mill-kriżi li jinsab fiha.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dawk li għandhom għal qalbhom il-Partit Laburista huma traduti minn Joseph Muscat. Dan ġie spjegat anke minn Godfrey Farrugia fl-ittra ta’ riżenja tiegħu minn Whip: “il-fiduċja ta’ poplu lejn ideal Laburista storiku ma kellha qatt tiġi traduta u wżata biex tiġi mbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar li m’għandhomx l-interess nazzjonali f’qalbhom u wisq anqas f’moħħhom.”

Illum waranofsinhar, il-poplu Malti u Għawdxi se jingħaqad f’forza nazzjonali f’San Ġiljan, biex iwassal il-messaġġ li Muscat għandu jitlaq issa għaliex postu mhux fil-politika.

Fl-intervista fuq ONE TV f’Jum il-Ħaddiem il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu l-ebda messaġġ għall-ħaddiema.

Minflok Muscat għazel li jinqeda b’din l-intervista  biex jagħmel attakk fuq il-Kap tal-PN  Simon Busuttil. Minflok ma ressaq ‘il quddiem numru ta’ proposti li jistgħu joffru tama għall-ħaddiema Muscat għazel li jinfexx f’kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-Kap tal-PN.

Dwar il-kumpanija Egrant tal-mara tiegħu, qal li mhux qed jorbot il-ġurnata tal-elezzjoni mal-inkjesta Maġisterjali. Dan anke fid-dawl tal-fatt li l-whistleblower telgħet tixhed b’ġurament.