#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

KRIŻI POLITIKA: Elezzjoni bikrija għat-3 ta’ Ġunju li ġej

GVERN FI KRIŻI: Il-korruzzjoni f’Kastilja twaqqa’ l-Gvern; Muscat se jmur għal elezzjoni bikrija

L-akbar maġġoranza fl-istorja politika ta’ pajjiżna mhux se jirnexxiela tiggverna sal-aħħar tal-mandat fdat mill-poplu hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed isejjaħ elezzjoni bikrija.

L-aħbar ingħatat mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza mass meeting għall-partitarji Laburisti minn fuq it-taraġ ta’ Kastilja, l-Uffiċju tal-Prim Ministru. Muscat qal li tkellem mal-President tar-Repubblika fejn infurmaha li llum se jmur itiha l-parir biex ixxolji l-Parlament biex tissejjaħ elezzjoni ġenerali nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017.

Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li waqa’ l-Gvern minħabba l-korruzzjoni, b’akkużi kriminali fil-konfront tal-Prim Ministru u tal-eqreb uffiċjali tiegħu.

Il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat inqabdet li hija s-sid ta’ kumpanija sigrieta bl-isem ‘Egrant’. Skont stejjer żvelati fl-aħħar jiem, hi rċeviet mal-miljun dollaru mill-kumpanija sigrieta ‘Al Sahra FZCO’ ta’ Leyla Aliyeva, bint it-tifla tal-President korrott tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev.

Implikati direttament fl-iskandlu tal-Panama hemm ukoll il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li t-tnejn inqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama.

L-aħbar li waqa’ l-Gvern minħabba l-korruzzjoni tfisser ukoll li din hija l-ewwel darba li pajjiż fit-tmexxija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea kellu jmur għal elezzjoni bikrija minħabba li l-Gvern ma setax isalva mandat sħiħ. Kienet il-Polonja biss li marret għal elezzjoni waqt li kienet fit-tmun tal-Presidenza, iżda mhux għax il-pajjiż ma setax isalva l-mandat kollu, iżda għax il-mandat kien wasal fi tmiemu.

Fl-aħħar erba’ snin, l-aktar Gvern b’maġġoranza kbira ta’ siġġijiet fil-Parlament, ra numru ta’ riżenji importanti, fosthom ir-riżenja tal-eks Deputat Marlene Farrugia li rriżenjat minn Deputat Laburista u aktar tard ingħaqdet f’Forza Nazzjonali mal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż aħjar. Riċentament, il-Gvern Laburista kellu jerġa’ jinħasad bir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia minn Whip tal-Gvern, b’ittra lill-Prim Ministru li fiha qal li l-Gvern tilef il-fibra morali u li l-Gvern qed jitmexxa minn klikka li jinteressahom biss mill-interessi personali minflok mill-interessi nazzjonali.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius