Elezzjoni 2017 Lokali

Jien nagħżel Malta – il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Fl-għażla bejn Joseph Muscat u Malta jien nagħżel Malta u konvint li l-poplu Malti ukoll se jagħżel lil Malta fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali li għaliha kienu preżenti wkoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit, d-Deputati, kandidati u uffiċjali tal-Partit kif ukoll il-Mexxej tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia.

Hu qal li l-elezzjoni ġenerali li ssejħet għat-3 ta’ Ġunju hija elezzjoni straordinarju u tagħti lill-poplu Malti ċ-ċans li jagħżel bejn Joseph Muscat u Malta. Din l-elezzjoni qed tissejjaħ aktar minn sena sħiħa qabel żmienha għax Joseph Muscat seta’ jibqa’ fil-Gvern sal-aħħar ta’ Ġunju tas-sena d-dieħla.

Simon Busuttil fakkar li Muscat kellu warajh l-akbar rebħa elettorali u l-akbar maġġoranza parlamentari li qatt kellna f’pajjiżna. Hu sejjaħ l-elezzjoni waqt li pajjiżna għandu r-responsabbilità storika li jmexxi l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea – ħaġa li qatt ma saret minn l-ebda pajjiż ieħor ħlief darba, imma f’dak il-każ l-elezzjoni kienet fi żmienha. U allura l-mistoqsijia f’moħħ kulħadd hija: għaliex sejjaħ l-elezzjoni aktar minn sena qabel? Staqsa Simon Busuttil.

Il-Kap tal-PN qal li t-tweġiba hija ċara. Sejjaħ l-elezzjoni għaliex mexxa l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna. Għax il-ħolma ta’ Joseph Muscat ma kinitx kif se joħloq il-ġid għall-pajjiż imma kif se joħloq il-ġid għalih, għal Keith Schembri u għal Konrad Mizzi. Il-korruzzjoni staġnat il-pajjiż, ġabet inċertezza u instabilità u fl-aħħar issa fniet anki lill-istess Gvern.

Simon Busuttil qal li s-soluzzjoni ovvja għal din il-korruzzjoni kellha tkun li Joseph Muscat, li bħalissa jinsab taħt investigazzjoni kriminali, jirriżenja u jintgħażel Prim Ministru ġdid li jkompli jmexxi għal sena oħra u l-pajjiż jerġa’ jkollu l-istabbiltà li tilef.

F’moħħ kulħadd hemm ħsieb wieħed: għaliex Joseph Muscat ma stenniex għall-anqas li tintemm l-inkjesta kriminali tal-Maġistrat? U x’jiġri jekk jirbaħ l-elezzjoni u l-inkjesta ssib provi kontrih jew kontra Keith Schembri? staqsa Simon Busuttil. Hu qal li n-nies qed jgħidu: biex Joseph Muscat ma kienx kapaċi jżomm Gvern għal ħames snin. Flok refa’ r-responsabbilità politika kif wiegħed, abdika mir-responsabbiltà u qed jipprova jirbaħ l-elezzjoni biex isavla ġildu, biex l-investigazzjonijiet jieqfu u kollox jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.

Joseph Muscat jaf li biex isalva ġildu irid bilfors jirbaħ l-elezzjoni għax jekk jitlef il-poter jiġi investigat. Għalhekk m’hemmx dubju li se jagħmel minn kollox biex jirbaħ, għax jinsab f’sitwazzjoni ddisprata, qal Simon Busuttil.

Għalhekk, bid-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jsejjaħ elezzjoni sena kmieni, is-suspetti ta’ korruzzjoni fuqu u fuq il-klikka ta’ madwaru mhux naqsu imma kibru.

Simon Busuttil qal li hu żgur hu li bejn l-interess personali tiegħu u l-interess nazzjonali, illum Joseph Muscat għażel l-interess personali. Dan, fil-fatt, kien it-timbru tal-Gvern li mexxa – kif se jiggwadanja hu u l-klikka ta’ madwaru, b’mod partikolari Keith Schembri u Konrad Mizzi li t-tnejn li huma immisshom jinsabu taħt investigazzjoni.

Simon Busuttil qal li Il-Partit Nazzjonalista lest għal din l-isfida. Minkejja li huwa ċar li l-PN se jibda bi żvantaġġ, il-Partit Nazzjonalista huwa lest għal din l-elezzjoni u se jqum għal din l-isfida u determinat li jegħlbuha għall-ġid ta’ Malta u tal-poplu Malti u Għawdxi.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista se jippreżenta proposti maħsuba biex joffri Gvern Alternattiv għal pajjiżna u b’mod partikolari: biex l-ekonomija trendi għan-nies u mhux għall-ftit; biex indaħħlu sens ta’ ugwaljanza soċjali f’pajjiżna; biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u fuq kollox, biex innaddfu s-sistema politika f’pajjiżna darba għal dejjem.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jżomm ukoll għajnejh miftuħa fuq il-proċess elettorali u fakkar li min issa ’l quddiem Joseph Muscat huwa biss care-taker Prime Minister u deċiżjonijiet li jieħu biex jixtru l-voti jitqiesu bħala corrupt practices.

Il-Kap tal-PN qal li mill-lum il-mazz jinsab f’idejn il-poplu Malti. Hu qal li “l-għażla quddiem il-poplu mhix bejn Joseph Muscat u jien; mhix bejn il-PN u l-PL, iżda hija bejn l-interess personali ta’ Joseph Muscat u l-interess nazzojnali ta’ Malta. Fi kliem ieħor, l-għażla f’din l-elezzjoni hija bejn Joseph Muscat u Malta. Quddiem din l-għażla, b’impenn u mħabba lejn pajjżna, jien nagħżel Malta u għandi fiduċja kbira li l-poplu Malti se jagħżel lil Malta ukoll” qal Simon Busuttil.

HU ħabbar li llum il-Partit Nazzjonalista se jibda din il-kampanja elettorali b’rally filwaqt li nhar il-Ħadd se jorganizza mass meeting.

Simon Busuttil qal li din hija l-ewwel esperjenza tiegħu li jidħol għal kampanja elettorali bħala Kap tal-Partit. Qal li jħoss fuqu piż kbir ta’ responsabbiltà. Iżda qal li hu konvint li dan il-piż se jkun jista’ jaqsmu mal-kandidati u l-attivisti tal-Partit u ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba li bħalu jħossu r-responsabbiltà li jwieġbu għas-sejħa li qed jagħmlilna pajjiżna. “Fuq kollox, dan huwa piż li naf li se nkun nista’ naqsam mal-għeżież tiegħi, mal-familja tiegħi, ma’ Kristina u mat-tfal tagħna. Nitlob lil Alla jagħtini s-saħħa biex dan id-dmir li għandi nwettqu mill-aħjar li nista,” temm Simon Busuttil.

Sadattant meta wieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Simon Busuttil qal li fl-ittra ta’ riżenja bħala Whip tal-Grupp Parlamentari li d-Deputat Laburista bagħat lill-Prim Ministru hu bagħat messaġġ lill-votanti Laburisti u wera li Joseph Muscat għażel l-interess tiegħu qabel l-interess tal-pajjiż. Dwar l-inkjesta tal-Maġistrat dwar l-iskandlu ta’ korruzzjoni tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, Simon Busuttil qal li l-inkjesta se ssib provi tal-inqas kontra Keith Schembri u Joseph Muscat irid jerfa’ r-responsabbiltà għax hemm provi kontra Keith Schembri li ħa flus b’korruzzjoni mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Dwar il-forza nazzjonali qal li din għandha l-appoġġ tal-ex Deputat Laburista Marlene Farrugia li flimkien magħha inħolqot il-forza ta’ poplu u forza tar-raġuni magħquda fl-interess nazzjonali.