Basketball Sport

Luxol champions

(Ritratt - Wally Galea)

Gżira Athleta…………….53
Caffe Moak Luxol………70
(11-17, 17-18, 7-15, 18-20)

Caffe Moak Luxol, għar-raba’ sena konsekuttiva u t-13-il-darba fl-istorja tagħhom ġew inkurunati Champions tal-kampjonat tan-nisa meta fil-ħames logħba deċiżiva għelbu lil Gżira Athleta.
Luxol ħadu vantaġġ mil-esperjenza biex għelbu r-reżistenza ta’ Gżira li ma urewx l-istess logħob li urew fir-raba’ logħba.

Il-pressjoni u l-importanza ħakmet lill-plejers ta’ Gżira li bl-aqwa skorer tagħhom C. Grima miżmuma minn P. Ellul, Gżira bdew isibuha diffiċli biex jikkonkludu l-attakki tagħhom waqt li Luxol bdew jieħdu vantaġġ fl-ispazju fid-difiza bil-markament strett fuq S. DeMartino.

Gżira kienu għall-unika darba fil-vantaġġ fil-bidu tal-logħba meta kisbu xutt mill-bogħod. Ir-risposta ta’ Luxol kisbet seba’ punti mingħajr risposta bl-iskor ikun dak ta’ 7-3. Gżira, wara minuta ta’ waqfa, tjiebu biex qasmu l-logħob sat-tmiem is-sessjoni bl-iskor ikun dak ta’ 17-11.

Gżira kienu ftit aħjar fil-bidu tat-tieni sessjoni biex ħames minuti mill-intervall kienu tliet punti ‘l bogħod bl-iskor ikun dak ta’ 26-23. Luxol kellhom mument ieħor tajjeb biex kabbru l-vantaġġ għal dak ta’ 33-23 minn fuq bi Gżira jnaqqsu l-iskor bi ftit sal-mistrieħ 36-28.

Wara l-mistrieħ, Luxol mhux biss ikkontrollaw lil Gżira imma anki sabu l-ħin biex ikomplu jitbiegħdu mill-avversarji u jibdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ tajjeb ta’ 50-35.

Bir-reazzjoni ta’ Gżira ma’ tasalx, Luxol ikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom bil-playmaker S. Pace tikseb il-punti mil-linja tal-free-throw biex b’hekk Gżira ġew imċaħħda minn rimonta.