Lokali

RITRATTI: Malta tiċċelebra 13-il sena mis-sħubija fl-UE

Malta qed tfakkar it-tlettax-il sena mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. L-1 ta’ Mejju 2004 kienet id-data li fiha għaxar pajjiżi, fosthom Malta, issieħbu formalment fl-Unjoni Ewropea li dak iż-żmien kienet kibret għal 25 pajjiż.

Iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mas-sħubija tal-Unjoni Ewropea kienu laħqu l-qofol tagħhom fiż-żona tal-Port il-Kbir, lejliet l-ewwel ta’ Mejju meta mat-tokki ta’ nofsillejl, pajjiżna sar uffiċjalment membru tal-Unjoni Ewropea bil-bandiera ta’ Malta tittajjar għall-ewwel darba maġenb il-bandiera tal-Unjoni Ewropea.

Apparti l-miljuni kbar li pajjiżna rċieva mill-Unjoni Ewropea, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wasslet ukol biex pajjiżna ssieħeb fiż-żona Ewro, it-tieni l-akbar munita fid-dinja li kienet kruċjali biex pajjiżna baqa’ b’saħħtu fil-kriżi finanzjarja tal-2008.

Pajjiżna kien daħal formalment fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 wara li fis-16 ta’ April 2003, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Joe Borg kienu ffirmaw it-trattat ta’ sħubija fil-Greċja, wara kampanja twila favur ‘IVA, għal għalina, għal uliedna u għal pajjiżna’. Il-kampanja favur l-IVA kienet opposta mill-kampanja ‘LE’ mmexxija mill-eks Mexxej Laburista Alfred Sant, bl-appoġġ ta’ Joseph Muscat.