Elezzjoni 2017 Lokali

Id-diskors ta’ Simon Busuttil waqt il-Mass Meeting

Eluf ta' nies jinġabru f'San Ġiljan - kollha b'appoġġ għall-politika tal-Partit Nazzjonalista

F’San Ġiljan – eluf ta’ nies inġabru għall-Mass Meeting, biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Segwi l-avvenimenti u d-diskors ta’ Simon Busuttil kif seħħew hawnhekk:

17:17 – Simon Busuttil temm id-diskors tiegħu, fejn indirizza lill-eluf ta’ nies preżenti u qaliljom li l-elezzjoni li ġejja hi għażla bejn Joseph Muscat u pajjiżna:

“Jiena m’għandix dubju li fl-għażla bejn Joseph Muscat u pajjiżna, l-għażla tagħna se tkun waħda u ċara: aħna se nagħżlu lil Malta. Jiena għandi fiduċja kbira li fl-għażla bejn Joseph Muscat u pajjiżna, il-poplu Malti se jagħżel lil Malta”

17:16 – Wiegħed li jordna investigazzjoni f’dawn l-iskandli ta’ korruzzjoni u jara li ssir ġustizzja. Inaddaf is-sistema politika darba għal dejjem, jaħtar Maġistrat Speċjali Investigattiv kontra l-korruzzjoni u jifforma b’mod radikali l-Kostituzzjoni.

“L-għażla fl-elezzjoni ġenerali li ġejja mhux bejn Joseph Muscat u bejni; mhix bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista; imma hija bejn dak li hu sewwa u dak li hu ħażin; bejn il-verita u l-gideb; bejn l-onesta’ u l-korruzzjoni”

17:15 – Simon Busuttil qallu itlaq issa għax postok mhux fil-politika – sabiex ma jkomplix jagħmel aktar ħsara lill-pajjiż. Simon Busuttil qallu: “Tħallix lill-pajjiż jegħreq miegħek”.

17:14 – Simon Busuttil qal li Joseph Muscat wiegħed li jirreżenja jekk l-inkjesta kriminali dwaru ssib ħtija kontrih. Hu qal jgħidlu li issa l-poplu Malti ma jafdawkx u ma jemmnekx għax issa tard wisq. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qallu li l-fatt biss li hu diġa jinsab taħt investigazzjoni jmissu diġa’ rreżenja.

17:13 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li erba’ snin ilu Joseph Muscat kien il-futur – imma llum Joseph Muscat huwa l-passat iswed ta’ korruzzjoni li għexna fl-aħħar erba’ snin. Simon Busuttil qal li nħarsu lejh u narawh taħt sħaba sewda ta’ korruzjoni.

17:11 – Simon Busuttil qal li hija traġedja li spiċċaw hawn minħabba bniedem wieħed – aktar u aktar meta tqis li Joseph Muscat kellu kollox favur tiegħu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat kellu ċans tad-deheb li jagħmel ġid kbir għal pajjiżna – iżda minflok ħaseb biss fil-ġid personali tiegħu, ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi.

17:09 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fiż-żgħażagħ u l-istudenti:

“Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed liż-żgħażagħ li jerġa jiftaħ beraħ il-bibien tal-opportunitajiet, ħalli jasal kull min hu kapaċi jasal; hi x’inhi l-ħila jew talent tiegħek, bla ma tkun tallab ta’ ħadd”

17:07 – Simon Busuttil tkellem dwar il-ħaddiema b’pagi aktar baxxi u semma’ kif hu jaf li huma sfaw traduti minn Joseph Muscat. Jaf li hemm eluf ta’ nies li ma jistgħux ileħħqu bil-paga tagħho msal-aħħar tax-xahar:

“Aħna nwegħdu li nneħħu din id-diskriminazzjoni darba għal dejjem – u min jagħmel l-istess xogħol għandu jitħallas l-istess; equal work for equal pay”

17:04 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ lill-Pulizija, u jaf li huma jagħmlu dmirijiethom sew, iżda il-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija intilfet minħabba l-Gvern Laburista.

“Jiena nwiegħed li nerġa nagħti lura lill-Korp is-serjeta u l-fiduċja li jixraqlu”

17:01 – Simon Busuttil tkellem dawr il-ħaddiema tas-settur tal-kostruzzjoni u l-propjeta’. Hu wiegħed li jwettaq proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ żoni sħaħ li jinsabu fi stat dilapidat, intrabat li jwettaq l-akbar investiment fl-infrastruttura ta’pajjiżna:

“Qed nintrabtu li nwettqu l-akbar proġett ta’ infrastruttura f’pajjiżna b’sistema ta’ trasport pubbliku alternattiv, permezz ta’ metro, li jindirizza darba għal dejjem il-problema tat-traffiku li issa staġnat il-pajjiż kollu”

17:00 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ lill-ħaddiema tas-settur tas-servizzi finanzjarji, tal-gaming u tat-teknoloġija:

“Jiena nwiegħed Gvern li jnaddaf isem pajjiżna, li jerġa jsaħħaħ isem pajjiżna mal-erbgħat irjieħ tad-dinja, biex l-impieg tagħkom inħarsuh”

16:58 – Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-ħaddiema tal-isptarijiet li issa ġew privatizzati, dawk ta’ l-isptar t’Għawdex, l-isptar Karen Grech u l-isptar St. Luke’s:

“Aħna nwiegħdu lill-ħaddiema tal-isptar ta’ Għawdex u lill-poplu Għawdxi li l-isptar t’Għawdex nerġgħu nagħtuh lura lill-poplu Għawdxi”

16:56 – Fid-diskors tiegħu semma’ lill-ħaddiema tal-Air Malta li bħalissa tinsab f’inċertezza kbira wara li Joseph Muscat tant għamel wegħdiet fiergħa u imbagħad spiċċa ħalla lampa stampa.

“Għalhekk inwegħdu li Gvern Nazzjonalista jżomm il-linja nazzjonali tal-ajru tagħna”

16:53 – Simon Busuttil tkellem dwar il-ħaddiema tal-ħwienet li jammontaw għall-25,000 ħaddiema; fejn qal li dawn kienu snin diffiċli ħafna għalihom:

“Aħna nwegħdu Gvern li jerġa jagħti spinta lill-ħwienet żgħar, lis-self employed u lin-negozji żgħar kollha u jibda billi jnaqqsilkom l-income tax għal 10% biss”

16:51 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita fakkar fil-ħaddiema tal-manufattura li hemm 20,000 ħaddiema u l-familji tagħhom. Qal li jinkwieta meta jara dan is-settur tant importanti li ma jingħatax importanza. Hu wiegħed Gvern li l-ħin kollu jżomm għajnejh ffukati:

“Inwegħdkom Ministru tal-Ekonomija ffukat fuqkom u mhux moħħu fil-ħmerijiet, bħall-mini-bars u l-briedel”

16:49 – Simon Busuttil qal li għal din il-klima ta’ instabilita’ u inċertezza fil-pajjiż – qegħdin iħallsu l-prezz għalihom il-ħaddiema Maltin.

16:48 – Dawn iċ-ċirkustanzi li l-poplu qiegħed jaffaċċja llum ġejjin minn stil ta’ Gvern ta’ Joseph Muscat – dan minħabba skandlu wara skandlu li xebba’ lil kulħadd.

16:46 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal messaġġ lill-Gvern Malti – fejn qal li post il-kriminali mhuwiex Kastilja, iżda posthom huwa Kordin fil-ħabs.

16:43 – Simon Busuttil qal li llum qegħdin f’ċirkustanzi perikolużi li qatt ma rajna bħalhom mill-Indipendenza l’hawn:

“Ċirkustanzi perikolużi għax il-Prim Ministru ta’ pajjiżna jinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni kriminali b’akkużi li l-mara tiegħu għandha kumpanija fil-Panama”

16:42 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li llum il-poplu Malti qed ifakkar it-13-il sena mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

16:41 – Simon Busuttil beda d-diskors tiegħu billi sellem u rringrazzja lill-ħaddiema kollha – għaliex huma s-sinsla ta’ pajjiżna.

16:37 – Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, flimkien ma’ Kristina, jagħmel triqtu il-palk sabiex jindirizza lill-folla ta’ eluf ta’ nies li wieġbu għat-talba tiegħu u jinżlu jsemmgħu leħinhom.

16:20pm – Dalwaqt tibda x-xandira diretta fuq Net Television, Radio 101, u anke netnews.com.mt.

L-eluf tan-nies fil-Mass Meeting tal-PN

15:30 – Jingħata bidu għall-warm up ta’ qabel il-Mass Meeting fi pjazza Spinola f’San Ġiljan.

15:20 – Folla li tilħaq l-eluf tan-nies tibda tinġema quddiem il-palk fejn se jkun hemm id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil aktar tard.