Unjoni Ewropea

“Demokrazija ġenwina ma tistax teżisti mingħajr il-libertà tal-istampa” – Antonio Tajani

Mingħajr din il-libertà ma jistax ikun hemm skrutinju politiku, trasparenza, ġlieda kontra l-korruzzjoni, governanza tajba, u libertà ta’ deċiżjoni.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa fit-3 ta’ Mejju, Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, jgħid li “d-Demokrazija ġenwina ma tistax teżisti mingħajr il-libertà tal-istampa”.

Huwa qal li bħala eks ġurnalist, huwa jagħraf li huwa fundamentali li wieħed ikun jista’ jaħdem b’mod indipendenti. Mingħajr din il-libertà ma jistax ikun hemm skrutinju politiku, trasparenza, ġlieda kontra l-korruzzjoni, governanza tajba, u libertà ta’ deċiżjoni.

Għal din ir-raġuni, l-Unjoni Ewropea hija l-aktar difensur b’saħħtu ta’ dan id-dritt fundamentali madwar id-dinja.

Sfortunatament, Reporters Without Borders twissi li l-libertà tal-istampa hija mhedda aktar minn qatt qabel. Infatti skont diversi rapporti, ġurnalisti qegħdin jiġu intimidati, mhux biss f’reġimi awtoritarji – iżda wkoll f’pajjiżi li ġeneralment jitqiesu bħala demokratiċi.

Huwa qal li fil-viċin tal-UE, it-Turkija allegatament saret l-“ikbar ħabs fid-dinja għall-professjonisti tal-midja”. Skont l-iStockholm Centre for Freedom madwar 200 ġurnalist jinsabu l-ħabs u 150 stabbiliment tal-midja ingħalqu wara l-kolp ta’ stat tas-sena l-oħra.

Huwa qal li l-Parlament Ewropew se jiddefendi dejjem lil dawk li jesponu l-inġustizzja, u jikkundanna kwalunkwe u kull attentat ta’ ċensura fuq il-ġurnalisti. “Għalhekk, għal darb’oħra, se nerġa’ nsejjaħ għall-ħelsien immedjat mhux biss tal-ġurnalist Ġermaniż-Tork Deniz Yücsel, iżda wkoll ta’ dawk kollha li jinsabu detenuti inġustament madwar id-dinja minħabba li qegħdin iwettqu xogħolhom.”

Meta nikkunsidraw il-libertà tal-istampa aħna rridu wkoll inqisu l-internet. Dan huwa sors ta’ għarfien daqskemm huwa sors ta’ tħassib. Madwar nofs iċ-ċittadini Ewropej jirċievu l-aħbarijiet minn fuq il-midja soċjali. Dan wassal biex aħbarijiet foloz jinxterdu faċilment. Hemm tħassib li qiegħed jiżdied dwar id-diżinformazzjoni u diskors ta’ mibegħda, li qegħdin jintużaw biex jiġu promossi r-radikalizzazzjoni u l-fundamentaliżmu, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Huwa qal flimkien mal-ġurnalisti, li huma marbuta b’linji gwidi etiċi, aħna rridu nippromowvu responsabbiltà akbar ta’ pjattaformi onlajn.

Huwa qal li f’dan il-jum irridu niftakru u nsellmu lill-ġurnalisti kollha li mietu jew li qegħdin jinżammu l-ħabs għall-impenn tagħhom li jipprovdu fatti liċ-ċittadini. Il-libertà tagħhom hija ċ-ċavetta biex id-dinja ssir post aħjar. Huwa għalaq dan i-diskors billi qal li l-Parlament Ewropew dejjem se jkun qiegħed fuq in-naħa tas-sewwa u tal-ġurnalisti ġenwini.