Bit-titlu, ‘It’s a recipe for disaster’, l-Editorjal tat-Times of Malta jgħid li l-fatt l-Prim Ministru sejjaħ elezzjoni sena qabel il-waqt, meta l-pajjiż jinsab f’nofs kriżi istituzzjonali, hi possibilment l-agħar deċiżjoni li l-Prim Ministru seta’ ħa.
L-Editorjal jispjega li meta Joseph Muscat qabbad inkjesta maġisterjali li effettivament fost l-oħrajn qed tinvestigah, il-pożizzjoni tiegħu ma baqgħetx tenibbli.
Għalkemm hu qal li m’għandux minn xiex jibża’ mill-inkjesta, dik li bdiet bħala investigazzjoni biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li l-mara tal-Prim Ministru kienet il-benefiċċjarja tal-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant, issa ikkumplikat ruħha b’allegazzjonijiet ġodda dwar iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, b’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-bejgħ tal-passaporti.
L-Editorjal jgħid li Muscat irid imur għall-elezzjoni bit-tama li l-elettorat jerġa jagħżel it-tmexxija tiegħu u jerġa jibda mill-ġdid qisu ma ġara xejn. Imma dan mhux se jkun il-każ għax il-vot popolari ma jistax jisostitwixxi il-kors tal-ġustizzja. Dak li kien ħażin jibqa ħażin.
It-Times tgħid li hemm żewġ xenarji possibbli. L-ewwel li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni b’koalizzjoni mal-Partit Demokratiku. Tfakkar li l-Kap tal-PN Simon Busuttil wiegħed li jniedi inkjesta fl-ewwel jum bħal PrimMinistru u jrid li ssir riforma kostituzzjonali biex jisaħħu l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u jiffoka fuq governanza tajba.
It-tieni xenarju hu li jirbaħ il-Partit Laburista u t-tentazzjoni tkun li wieħed jaħseb li l-elettorat appoġġja x-xogħol ta’ Muscat u kollox jinħafer.
Imma l-Editorjal jgħid li l-inkjeta maġisterjali mhux se titlaq u lanqas l-allegazzjonijiet serji ħafna li saru. Jekk l-inkjesta tkun negattiva tkun tfisser li l-Gvern ġdid ikun iddgħajjef kmieni fil-leġislatura u dan joħloq aktar instabbiltà mil-lum u nerġgħu immorru għall-1981 meta l-kriżi damet leġislatura sħiħa. Anke jekk l-inkjesta ma ssibx provi sodi tal-allegazzjonijiet, xorta jibqa’ dubju kbar.
L-editorjal itemm li Joseph Muscat kellu għażla waħda vera x’jieħu, dik li jwarrab, imma ma ħadiex. Issa l-pajjiż jrid jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni u wieħed jittama li l-elettorat jkun aktar għaqli.
//= $special ?>