#muscatgate Lokali

FILMAT: “Il-klikka korrotta ta’ Kastilja qegħda f’paniku” – Beppe Fenech Adami

Hu qal li jekk kien hemm il-prova li l-klikka korrotta ta’ Kastilja qegħda f’paniku u li l-ħallelin f’Kastilja inqabdu hu dak li seħħ il-bieraħ. Il-Prim Ministru caretaker, Joseph Muscat xolja l-Parlament sena qabel il-waqt. Il-Prim Ministru ħabbar li ma baqagħlu ebda triq oħra ħlief li jmur għall-elezzjoni sena qabel. Ir-roadmap wasslitu biex ċeda l-armi wara biss erba’ snin.

Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami qal dan il-bieraħ meta tkellem fir-Rally li sar fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Beppe Fenech Adami ħabbar li kien għadu kif miet l-ex Segretarju Parlamentari Joe Cassar li hu xempju ta’ persuna li serviet lill-pajjiż u hemm kienet osservata minuta silenzju.

Beppe Fenech Adami qal li din hi konferma li Joseph Muscat jaf li l-ġranet tiegħu huma magħduda u beda jwiegħed imma ma wiegħedx il-meritokrazija li wiegħed erba’ snin ilu u li ma żammx. Ma wiegħdx it-trasparenza għax dik il-wegħda diġa’ għamilha u ma żammhiex. Ma qalx li se jiġġieled il-korruzzjoni għax illum imexxi l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.

Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-konferma li Muscat daħaq bil-poplu tagħha issa li qed iwiegħed kollox lil kulħadd. Lil pensjonati qal li se jżihom, imma erba’ snin ilu flok żiedhom mar jiftaħ kumpanija siġrieta fil-Panama. Il-ħaddiema ilu jisraqhom erba’ snin bil-prezz tal-petrol u diesel għoli mill-Ażerbajna. Qal li se jibni t-toroq kollha ta’ Malta imma l-proġett ta’ Triq Reġjonali ma kellux il-ħila jlestieh. L-uniku proġett li beda, spiċċa Muscat qabel spiċċa l-proġett qal Beppe Fenech Adami fost iċ-ċapċip tal-folla.

Hu qal li rridu nifhmu li Joseph Muscat jinsab f’paniku u għamel elezzjoni fl-iqsar żmien possibbli biex mingħalih ma jinqabadx. Kull wieħed u waħda għandu responsabbiltà kbira fuq spallejna u la Joseph Muscat ma telaqx irridu ntellquh aħna bil-vot tagħna ftit ġimgħat oħra. Irridu nifhmu l-importanza ta’ x’se jiġri min issa sal-elezzjoni. Se jibdew jitqassmu d-dokumenti tal-vot li mingħajru ma tistax tivvota u appella biex fil-proċess tat-tqasim tad-dokumenti tal-vot li se jibda fi żmien ġimagħtejn ma jsiru ebda abbużi.

Hu qal li n-nies iridu jassiguraw li jkunu f’darhom biex jirċievu d-dokumenti tal-vot. Hemm nies li jgħixu waħedhom u appella lil kulħadd jara li dawn in-nies jitqassmilhom id-dokument tal-vot. Dan il-proċess jibda ftit ġranet oħra għal ġimgħatejn u wara jinġabar mill-għases. Importanti li d-dokumenti jinġabru saħaq Beppe Fenech Adami. Talab li jkun hemm voluntiera mal-Pulizija biex jassistu fit-tqassim tal-vot. Qal li dan hu l-mument li nxammru l-kmien biex ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li jisraq l-elezzjoni.

Beppe Fenech Adami qal li hemm eluf ta’ nies li jgħixu fid-djar tal-anzjani u kulħadd irid jassigura li jwassal il-messaġġ lil dawn u jaraw li jmorru jivvutaw. Semma wkoll il-kwistjoni li min dakinhar tal-elezzjoni jkun imsiefer u jista’ jivvota ġimgħa qabel. Appella lil eluf ta’ votanti li qegħdin barra li għandhom id-dover li jiġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Hu appella lill-Gvern biex malajr, kif ġara f’kull elezzjoni ġenerali, jħabbar li se jsiru l-vjaġġi mill-Air Malta biex min għandu dritt jivvota, jiġi u jivvota. Qal li hemm bżonn armata sħiħa ta’ voluntiera u appella lil kulħadd jara fejn jista’ jagħti sehemu.

Beppe Fenech Adami qal li hemm nies li se jiġu mal-PN fosthom kuġin ta’ Ministru li hu nadif u li biex isalva lil dan il-Ministru se jivvota lill-PN.

Hu temm li din mhix tiġrija bejn il-PN u PL imma tal-PN u PL onesti kontra l-klikka korrotta f’Kastilja. Hu qal li ħames snin ilu isem Malta kien prominenti fis-slogan tal-Labour imma issa trid tara l-lenti biex taraha. Erba’ snin ilu qalu Malta Tagħna Lkoll u issa jridu jaħbuhom u issa jridu l-aqwa żmien biex jimlew buthom. Hu appella li l-ġranet tal-korrotti ġejjin fi tmiemhom u fit-3 ta’ Ġunju se tirbaħ Malta u jirbħu dawk li huma onesti u dawk li jridu pajjiż onest.