Il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Bohuslav Sobotka, ħabbar li se jissottometti r-riżenja tal-Gvern tiegħu aktar ‘il quddiem fil-ġimgħa, b’kaġun ta’ diżgwid bejnu u l-Ministru tal-Finanzi Ċek, Andrej Babis.
Sobotka mhux kuntent dwar allegata ‘attività ta’ Babis fin-negozju’, bl-aħbar, li twitti t-triq għal elezzjoni imminenti, toħroġ proprju sitt xhur qabel id-data prevista għall-elezzjonijiet parlamentari.
Andrej Babis hu negozjant biljunarju u l-kwistjoni tidher li laħqet il-qofol fost rapporti li hu naqas milli jħallas it-taxxa fuq bonds li kienet ħarġet il-kumpannija tiegħu stess.
Min-naħa tiegħu, Sobotka qal li, fil-jiem li ġejjin, għandu jiltaqa’ mal-President tar-Repubblika Ċeka biex jissottometti r-riżenji formalment.
L-osservaturi fi Praga qalu li ċ-Ċeki kellhom aktar minn tliet snin ta’ koalizzjoni, ftit jew wisq stabbli, taħt Sobotka; politiku soċjal-demokratiku. Intant, din l-istabbilità, issa, waslet fi tmiemha minħabba r-rivalità li żviluppat bejn Sobotka u Babis – b’tal-ewwel, illum, jisħaq li mhux aċċettabbli li Babis ikompli bħala Ministru tal-Finanzi meta għandu l-allegazzjonijiet dwar abbuż imdendla fuqu.
//= $special ?>