Elezzjoni 2017 Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tikkundanna wegħdiet populisti

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ tesprimi d-diżappunt tagħha għal wegħdiet u proposti rresponsabbli

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ qed tappella sabiex tul din il-kampanja elettorali ma jsirux wegħdiet u proposti populisti. Hekk kif il-kampanja elettorali għadha bilkemm għalqet ġurnata l-Kamra tal-kummerċ diġa nnotat li saru wegħdi populisti fosthom dik dwar festi pubbliċi li jaħbtu s-Sibt jew il-Ħadd. U anke dwar il-ftehim iffirmat dwar il-paga minima.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet dan fi stqarrija li fiha fakkret kif f’diversi okkażjonijiet appellat lill-partiti politiċi sabiex ma jidħulx f’tellieqa bejn min minnhom se jwiegħed l-aktar affarijiet sabiex jintrebħu l-voti. Jekk jiġri hekk ikunu qed inpoġġu f’riskju is-sisien li fuqhom bnejna l-kompetittivita’ ekonomika ta’ pajjiżna. Dan minbarra li jkun aġir irresponsabbli.

Fl-istqarrija l-Kamra tal-Kummerċ qalet li għalissa se tieqaf hawn u mhux se tesprimi l-ideat tagħha fil-kuntest ta’ kampanja elettorali ħlief li tappella biex ma jsirux proposti populisti u wegħdiet irresponsabbli.