Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Attivata sistema ta’ difiża għal kontra l-missili

Filwaqt li kompliet il-gwerra bil-kliem bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq komunista, il-militar Amerikan dalgħodu ħabbar li għadu kemm attiva sistema ġdida kontroversjali għal kontra attakk missilistiku li tinsab ibbażata f’zona tal-Korea t’Isfel.

Is-sistema magħrufa bħala Thaad tista’ tinterċetta l-missili li jkunu sparati mill-Korea komunista, iżda hu minnu li jonqos ftit xhur oħra biex is-sistema tkun qed tiffunzjona bis-sħiħ. Intant, it-tensjoni għadha akuta madwar il-peniżola Koreana, bir-reġim komunista fi Pyongyang ikompli bit-theddid u d-diskorsi provokattivi u meta f’din iz-zona hemm il-preżenza ta’ aircraft carrier u bastsimenti oħra tal-gwerra Amerikani.

It-tensjoni għadha f’livell partikularment għoli minkejja li l-President Amerikan, Donald Trump, qal li jkun onorat li kieku jista’ jiltaqa’ mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un, f’ċirkostanzi li jippermettu.

Is-sistema Thaad stallata fil-Korea t’Isfel qed tqanqal ukoll rabja u ansjetà fost il-komunitajiet lokali li jinkwetaw li l-istess sistema, ibbażata fir-reġjun ta’ Seongju, kapaċi tisfa mira għal aggressjoni potenzjali fost il-periklu għar-residenti fl-inħawi u l-madwar.