Elezzjoni 2017 Lokali

“Elezzjoni bikrija fl-eqqel tal-eżamijiet” – Il-KSU jsejjaħ laqgħa urġenti

L-Università ta' Malta

Il-Kunsill Studenti Universitarji sejjaħ għal laqgħa urġenti biex issir konsultazzjoni mar-rappreżentati tal-istudenti u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom bl-iskop li jsir magħruf x’jixtiequ l-istudenti wara li Joseph Muscat sejjaħ għal elezzjoni sena qabel jintemm il-mandat ta’ Gvern Laburista.

Bil-Kunsill fi stqarrija jistqarr li hu diżappuntat li l-Elezzjoni Ġenerali se ssir fl-eqqel tal-eżamijiet tal-Università ta’ Malta, fi stqarrija fakkar li madwar 11,000 student u studenta se jintlaqtu minn din id-deċiżjoni.

“L-istudenti għandhom dritt li jistudjaw f’ambjent u kundizzjonijiet ġusti bl-għan li jiksbu l-aqwa riżultati possibbli. Iktar minn hekk, id-deċiżjoni tipperikola l-abbiltà tal-istudenti li jieħdu deċiżjoni elettorali b’mod infurmat tajjeb,” iddikjara l-KSU.

L-istudenti qed ikunu mħeġġa jattendu għal din il-laqgħa biex jgħaddu l-opinjoni tagħhom bl-iskop li l-interessi tagħhom jingħataw priorità. Dawk interessati jistgħu jgħaddu l-kummenti tagħhom fuq education@ksu.org.mt