Futbol Sport

Impenji internazzjonali għal Farrugia Cann u Spiteri

Dan l-aħħar ir-referee internazzjonali Trustin Farrugia Cann u l-Elite Referee Malcolm Spiteri ħadu sehem fit-tornew prestiġjuz Dallas Cup 2017 fl-Istati Uniti.

Id-Dr Pepper Dallas Cup – aktar magħrufa bħala Dallas Cup – hi tornew internazzjonali tal-football li ilu jsir mill-1980, organizzat f’Dallas, Texas, minn FC Dallas għal teams mistiedna li jikkopmpetu f’diversi kategoriji ta’ etajiet minn Under-13 sa Under-19.

Minbarra l-uffiċjali Maltin, diversi referees minn pajjiżi madwar id-dinja ħadu sehem, fosthom 28 bil-badge tal-FIFA.

L-Iżvizzera, New Zealand, l-Awstralja, l-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti kollha kienu rappreżentati b’uffiċjali għal dan wieħed mill-ikbar tornej għaż-żgħażagħ.

Matul il-ġranet tat-tornew, Brian Hall bħala Kap tar-Refereeing tal-CONCACAF (il-Konfederazzjoni tal-Amerka ta’ Fuq, Ċentrali u tal-Assoċjazzjoni tal-Football fil-Karibew), organizza seminar ta’ jum li matulu ġew analizzati u diskussi filmati ta’ sitwazzjonijiet minn logħbiet.

L-uffiċjali Maltin ikkontrollaw żewġ logħbiet importanti. Trustin Farrugia Cann ikkontrolla s-Semi-Finali ta’ Super Group Under-19 bejn Dallas FC (Stati Uniti) u Corbita (Brażil) li ntlagħbet f’Toyota Stadium, filwaqt li Malcolm Spiteri kkontrolla l-Kwarti tal-Finali tal-Under-18 bejn żewg timijiet mill-Istati Uniti tal-Amerka, Baltimore Celtics u New Jersey.