Minbarra l-programm elettorali li jkopri lill-pajjiż kollu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippreżenta wkoll programm speċifiku għal Għawdex kif kien tħabbar f’Jannar li għadda u se jkun hemm ukoll programm elettorali speċifiku iffukat fuq iż-żgħażagħ għax fin-nofs f’din l-elezzjoni hemm ukoll il-futur tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar dan il-bieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.
Hu beda biex qal li kulħadd qam jistaqsi għaliex qomna b’elezzjoni fi żmien xahar? Għaliex se ssir elezzjoni sena qabel żmienha? Għaliex Joseph Muscat ma stennix għall-anqas sakemm tispiċċa l-inkjesta kriminali fuqu u fuq Keith Schembri? Għaliex ma stennix għall-anqas sa Ottubru biex jilħaq jagħmel baġit ieħor? Fi kliem ieħor, x’inhi r-raġuni li Joseph Muscat temm ħesrem il-Gvern tiegħu wara biss erba’ snin?
Simon Busuttil qal li r-raġuni hija ċara għaliex f’pajjiżna ninsabu fi stat ta’ kriżi li qed iġġib instabilità u inċertezza. Din il-kriżi inħolqot għaliex Joseph Muscat jinsab taħt investigazzjoni kriminali iżda ma rriżenjax u din il-kriżi inħolqot għaliex Keith Schembri jinsab akkużat minnu stess – bil-provi – li ħa flus ta’ korruzzjoni fuq il-bejgħ tal-passporti. Qal li din il-kriżi inħolqot għaliex dak li rajna fl-aħħar jiem ma kienx każ wieħed – imma kien stil ta’ tmexxija korrotta ta’ Joseph Muscat li s-sinjali tagħha ilhom hemm mill-bidu.
Il-Kap tal-PN qal li din hija kriżi li nħolqot għaliex ir-roadmap ta’ Joseph Muscat kienet biss kif hu, Keith Schembri u Konrad Mizzi se jagħmlu l-flus mill-poter u minn fuq dahar il-poplu. Fi ftit kliem, qegħdin fis-sitwazzjoni ta’ llum qegħdin hawn minħabba tlieta minn nies li flok ħasbu għall-pajjiżna, kif ġew eletti li jagħmlu, ħasbu għalihom infushom. Issa, flok irriżenja u ħalla lil ħaddieħor imexxi floku, kif kien isir fi kwalunkwe pajjiż ieħr Ewropew, Joseph Muscat waqqa’ lil kulħadd miegħu u daħħal il-pajjiż f’elezjoni bikrija. Għamel hekk għax spiċċa dahru mal-ħajt.
“Li Joseph Muscat spiċċa dahru mal-ħajt ħareġ ċar mill-ittra tar-riżenja tad-Deputat u ex Ministru Laburista Godfrey Farrugia minn Whip tal-grupp parlamentari lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Hemm ħareġ li l-kastell ta’ Joseph Muscat kien mibni fuq ir-ramel u beda jikkrolla. Qisek għandek House of Cards u xi ħadd ġibed karta minn taħt” sostna Simon Busuttil.
Hawn Simon Busuttil ikkwota diversi siltiet mill-ittra ta’ Godfrey Farrugia fosthom, “inħoss ukoll li s-sisien ewlenin tal-manifest elettorali li jiggarantixxu tmexxija b’kontabbiltà u trasparenza ġew mhezza bil-kbir”; “l-għemil ħażin li ma ġiex rimedjat f’waqtu, ħalla riperkussjonijiet li tefgħuna wiċċna mal-ħajt”; “tlifna l-fibra morali”; “wasalna f’punt li qed nagħtu isem ħażin lil Malta tagħna, anke barra minn xtutna u saħansitra waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea” u li “l-fiduċja ta’ poplu lejn l-idejal Laburista storiku ma’ kellha qatt tiġi ttraduta u wżata biex tiżi imbuttata l-aġenda tal-ftit, li jidher ċar m’għandhomx l-interess nazzjonali f’qalbhom u wasq inqas f’moħħhom”. Dawn il-kwotazzjonijiet juru biċ-ċar lim l-kastell ta’ Joseph Muscat qed jikkrolla, sostna Simon Busuttil.
Il-Kap tal-PN qal li hu interessanti il-mod kif il-media barranija rrappurtaw l-elezzjoni f’Malta. Ma qalux, issejħet elezzjoni għaliex il-Partit Nazzjonalista ħoloq instabilità, kif qal Joseph Muscat. Qalu li ssejjħet elezzjoni wara li Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu ġew iffaċċjati b’akkużi serji ta’ korruzzjoni. Qalu il-verita. U qalu l-istess ħaġa li qed ngħidu aħna sostna Simon Busuttil.
Simon Busuttil qal li fl-aħħar erba’ snin, rajna lil Joseph Muscat mhux biss jikser il-wegħdiet ewlenin li għamel qabel l-elezzjoni tal-2013 iżda jittradihom. Malta Tagħna Lkoll: pajjiżna tmexxa daqs li kieku kien ta’ Joseph Muscat u sħabu, mhux daqs li kieku kien tagħna lkoll. Qal Zero Tolerance għall-korruzzjoni u wiegħed akkontabbiltà, trasparenza u meritokarzija. Fuq dawn il-wegħdiet, Joseph Muscat falla: He let us all down sostna Simon Busuttil.
“Joseph Muscat messu għall-anqas stenna sakemm l-inkjesta dwaru u dwar Keith Schembri tintemm. Għax x’jiġri f’każ li jirbaħ l-elezzjoni u wara, l-inkjesta issib li jien għandi raġun u Keith Schembri veru għandu jitressaq b’akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus? X’jiġri? Jerġa’ jirriżenja? Din hija mistoqsija sempliċi u ċara fuq fomm kulħadd” qal il-Kap tal-PN.
It-tweġiba għaliha tista’ tkun biss waħda: li Joseph Muscat sejjaħ l-elezzjoni għax qed jibża li l-inkjesta toħroġ kontrih jew kontra Keith Schembri u allura qed jippretendi li bl-elezzjoni jaħsel id-dnubiet tiegħu u jinħafrulu u jkun jista’ jkompli fejn ħalla. Fi kliem ieħor, Joseph Muscat sejjaħ l-elezzjoni u għandu bżonn jirbaħha għal raġuni sempliċi: biex isalva ġildu qal Simon Busuttil.
Imma l-elezzjoni ma tista’ qatt tieħu post il-kors tal-ġustizzja. Għax il-ġustizzja trid issir. “U l-istat ta’ inċertezza u instabilità li għandna bħalissa – li issa beda anki jhedded l-ekonomija u l-impiegi – mhux se ssolvih billi jerġa’ jirbaħ Joseph Muscat u nkomplu bil-korruzzjoni qisu xejn mhu xejn. L-istat ta’ inċertezza u instabilità li għandna bħalissa insolvuh billi nneħħu l-korruzzjoni. U biex inneħħu l-korruzzjoni irridu nneħħu lil Joseph Muscat. Għax Joseph Muscat, postu mhux fil-politika. Dan huwa l-argument kollu” qal Simon Busuttil.
Hu qal li l-għażla hija ċara: bejn Panama Muscat u Malta tal-Maltin. Jien se nagħżel lil Malta, mhux se nagħżel il-Panama. L-għażla hi bejn Malta li fiha ngħixu b’moħħna mistrieh jew il-korruzzjoni u l-iskandli ta’ Joseph Muscat li għejjew u xebbgħu lil kulħadd. L-għażla hi bejn pajjiż li fih inkunu Maltin indaqs u pajjiż immexxi minn Klikka Korrotta f’Kastilja.
Simon Busuttil qal li “Muscat Let us all Down. Big time. I will not let you down; Din il-Forza Nazzjonali mhijiex se tiddiżappuntak – u dan se niżguraħ billi nagħmel it-tibdil meħtieġ, fil-Kostituzzjoni u fil-liġijiet biex ikun l-akbar kontrolli, l-ewwel nett fuq min imexxi. Biex dak li ġara fl-aħħar 4 snin ma jerġax jiġri. Il-Kampanja bdiet u jien u sħabi se naħdmu għall-Malta. Għaliex aħna għażilna lil Malta. L-għażla hija bejn Muscat u Malta. Jien nagħżel Malta. U għandi fiduċja li l-poplu Malti se jagħmel l-istess”.
Meta wieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Simon Busuttil ħabbar li l-PN se jfassal programm elettorali speċifiku iffukat fuq iż-żgħażagħ. Hu qal li matul l-erba snin li għaddew mill-Oppożizzjoni l-PN ħareġ seba’ dokumenti b’mijiet ta’ proposti u anke żewġ dokumenti ta’ qabel il-baġit.
Hu qal li ippreżenta provi lil Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar il-korruzzjoni miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru fil-bejgħ taċ-ċittadinanza u għalhekk il-Maġistrat se jsib li Keith Schembri ħa flus b’korruzzjoni u dan iġib piena ta’ ħabs.
Hu qal li l-ikbar problema jisimha Joseph Muscat li għalaq għajnejgħ għall-korruzzjoni u ħalliha f’Kastilja stess u wasslet għal sitwazzjoni li l-Prim Ministru stess qed ikun investigat.
//= $special ?>