#muscatgate Elezzjoni 2017 Lokali

Fi żmien ta’ kriżi istituzzjonali, l-Awtorità tax-Xandir kien jixirqilha Chairman b’esperjenza fil-kariga – Il-Partit Nazzjonalista

Martin Micallef jinħatar Chairman tal-Bord tal-Awtorità tax-Xandir

Il-ħatra ta’ Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir ġdid mingħajr kunsens u approvazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni hi deċiżjoni irresponsabbli ta’ Prim Ministru caretaker li qed ikompli jkabbar il-kriżi istituzzjonali.

Fi stqarrija l-Kelliem għax-Xandir, il-Kommunikazzjoni u d-Djalogu Soċjali, Clyde Puli qal li Muscat, li qiegħed jiġi investigat kriminalment, reġà għażel l-interess tal-klikka tiegħu fuq l-interess nazzjonali meta f’mument daqstant delikat appunta persuna li m’għandiex il-fiduċja tal-partijiet kollha involuti.

Clyde puli qal li issa huwa ċar aktar minn qatt qabel li Muscat jinteressah biss li jaħtaf il-kontroll tal-istazzjon nazzjonali biex jużah bħala għodda li tikkorompi l-verità u tirrepeti l-gideb tiegħu biex isalvalu ġildu.

Fi żmien ta’ kriżi istituzzjonali, il-pajjiż kien jixraqlu Awtorità tax-Xandir mmexija minn Chairman li għandu kemm esperjenza fil-kariga kif ukoll fiduċja tal-partijiet kollha. Prim Ministru serju kien jagħżel nies ta’ esperjenza bħall-eks Chairman Anthony Tabone jew l-Imħallef Emeritu Joe Said Pullicino.

Din il-ħatra irresponsabbli tkompli tikkonferma li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-poplu Malti u Għawdxi se jkollu għażla ċara bejn l-interessi ta’ Joseph Muscat u l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja li l-poplu Malti se jagħżel lil Malta.

Aktar kmieni: Martin Micallef inħatar Chairman tal-Awtorità tax-Xandir li skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta għandu jiġi maħtur mill-President fuq il-parir tal-Prim Ministru wara li kkonsulta lill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Martin Micallef hu gradwat b’Masters fil-Komunikazzjoni tal-Massa u għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-komunikazzjoni b’40 sena esperjenza fl-oqsma tax-xandir lokali u tax-xandir internazzjonali.

Hu serva wkoll bħala Segretarju Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Italja f’Malta. Hu se jieħu post George Mifsud li serva fil-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità tax-Xandir bejn it-8 ta’ April u t-23 ta’ April li għadda u li ġie nieqes waqt li kien qed jokkupa l-kariga.