Sport Waterpolo

Neptunes u San Ġiljan fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat tas-sajf

Iċ-Chief Officer tal-BOV Anthony Scicluna flimkien mal-President tal-ASA Joe Caruana Curran waqt il-tlugħ tal-poloz

Wara ftit jiem li spiċċa l-kampjonat tax-xitwa, il-preparazzjoni għall-kampjonat tas-sajf tinsab miexja ġmielha hekk kif ilbieraħ telgħu l-poloz għaż-żewġ kampjonati.

Din is-sena se jkun hemm 11-il tim jikkompetu, sitta fil-kampjonat Premier u ħamsa fl-ewwel diviżjoni, hekk kif Birżebbugia se jkunu qed jagħmlu r-ritorn tagħhom.

L-ewwel ġurnata taż-żewġ kampjonati se jibdew it-Tlieta 6 u l-Erbgħa 7 ta’ Ġunju, bl-aktar logħba li tispikka hi dik bejn iċ-champions tax-xitwa San Ġiljan u ċ-champions tas-sajf Neptunes.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li l-istaġun se jibda fit-3 ta’ Ġunju, jum l-Elezzjoni Ġenerali, bit-tazza Għaqda Ġurnalisti Sport u t-Tazza tal-President. Hu qal li pruvaw jibdlu l-ġranet iżda kien impossibbli, bl-unika bidla li se ssir hi l-logħob se jintlagħbu fil-5.00pm u fis-6.15pm rispettivament.

Iċ-Chief Officer tal-BOV Anthony Scicluna qal li hu ta’ pjaċir għal bank biex jgħin lil Waterpolo, u rringrazzja lill-assoċjazzjoni tal-impenn tagħha. Scicluna wera wkoll is-sodisfazzjon li Birżebbugia reġgħu għaqdu l-klabb.

Joe Caruana Curran qal li ilu ħafna ma jkun hemm 11-il tim fil-waterpolo lokali, u qal li hemm diskussjonijiet preliminari ma’ klabb ieħor biex possibbilment jiżdiedu s-sena d-dieħla. Il-President tal-ASA qal ukoll li xi logħbiet tal-Juniors se jintlagħbu fil-Pixxina Nazzjonali minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, wara xi nkwiet li kien hemm is-sena l-oħra.

Waqt il-konferenza stampa, ġie ffirmat ukoll ftehim ta’ tliet snin bejn il-BOV u l-assoċjazzjoni tar-referees, bil-kuntratti jiġu ffirmati minn Anthony Scicluna u l-President tar-referees Mario Dalli. Dan il-ftehim se jwassal biex il-BOV jagħti s-sapport lir-referees għal seminars, edukazzjoni kif ukoll biex jilħqu livell ogħla. Barra minn hekk, ir-referees se jkollhom lil Teamsport bħala l-isponsor tal-flokkijiet tagħhom għar-raba’ sena konsekuttiva.

 

Il-programm tal-ewwel ġurnata

Kampjonat BOV Premier

Sirens ASC v Valletta United

San Ġiljan Tum Invest v Neptunes Leo Vegas

Exiles Jetfreight v Sliema Frank Salt

Kampjonat BOV l-Ewwel Diviżjoni

Otters Nivea v Marsaxlokk Fischer

Birżebbugia ASC v Marsascala Transcripta

Tags